Elezzjoni każwali tista’ toħloq problema għall-PL

Gavin Gulia Jeffrey Pullicino Orlando Charles Azzopardi Parlament

Read in English.

Is-sena li ġejja għandha ġġib magħha elezzjoni każwali fuq is-seba’ distrett, biex jimtela s-siġġu Parlamentari tal-eks Ministru Edward Scicluna li llum inħatar b’mod uffiċjali Gvernatur tal-Bank Ċentrali.

Wieħed mit-tliet kandidati prospettivi huwa l-eks Sindku tar-Rabat Charles Azzopardi, li ma kienx tħalla jikkontesta l-elezzjonijiet lokali tal-2019 f’isem il-PL, minħabba allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni meta kien Sindku. Madankollu, il-Partit Laburista ma jistax iwaqqaf lil Azzopardi milli jitfa’ n-nomina tiegħu biex jieħu s-siġġu ta’ Prof. Edward Scicluna u jekk jitla’, jista’ jsib postu mad-deputati parlamentari indipendenti.

Newsbook.com.mt prova jikkuntattja lil Charles Azzopardi kemm-il darba biex jistaqsi jekk hux interessat jikkontesta.

24.II.2019 Manuvri moqżieża u persuni li jaslu għal kolloxNirċievi l-ittra fil-15 ta' Ġunju 2018 mill-Partit li ma…

Posted by Charles Azzopardi on Sunday, February 24, 2019

Fl-aħħar elezzjoni, Azzopardi ġab it-tieni l-ogħla ammont ta’ voti fl-ewwel għadd, wara dawk li diġà ġew eletti. Huwa kiseb 584 vot. Qablu hemm Gavin Gulia bi 848 vot, filwaqt li warajh hemm Jeffrey Pullicino Orlando b’572 vot.

Pullicino Orlando deċiż, Gulia jaħsibha

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt jekk huwiex interessat li jitfa’ n-nomina tiegħu f’din l-elezzjoni, Jeffrey Pullicino Orlando qal, “Definittivament,” filwaqt li stqarr li diġà ġie inkoraġġut biex joħroġ għall-elezzjoni.

Min-naħa l-oħra, Gavin Gulia qal li hu jieħu deċiżjoni biss ladarba l-President jiffirma r-rit biex ikun hemm elezzjoni.

Gavin Gulia bħalissa jokkupa l-kariga ta’ Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, filwaqt li Jeffrey Pullicino Orlando huwa ċ-Chairperson tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST).

Il-Partit Laburista jista’ jagħżel li minflok elezzjoni każwali, jimla s-siġġu battal b’koptjar, bħalma ġara biex imtlew is-siġġijiet imbattlin minn Joseph Muscat u Etienne Grech. Intgħażlu Miriam Dalli u Clyde Caruana minflokhom.

Taħseb li din l-elezzjoni se toħloq problema għall-Partit Laburista?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt