Elezzjoni Kap PN: Kważi nofs it-tesserati eliġibbli diġà vvutaw

Read in English.

Kważi nofs it-tesserati eliġibbli diġà vvutaw fl-ewwel jumejn tal-votazzjoni bikrija fl-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista ħabbret li fit-tieni jum tal-votazzjoni bikrija, ivvutaw 32% tat-tesserati eliġibbli li jivvutaw.

B’hekk, it-total ta’ dawk li vvutaw s’issa bejn ilbieraħ u llum ilaħħaq it-48% ta’ dawk eliġibbli. Ilbieraħ ivvutaw 16% tat-tesserati eliġibbli.

L-elezzjoni nfisha għal Kap, bejn il-kandidati Adrian Delia u Bernard Grech, se ssir fit-3 t’Ottubru, filwaqt li l-votazzjoni bikrija kompliet illum, u se tkompli fit-30 ta’ Settembru u fl-1 u t-2 t’Ottubru.

Il-Kummissjoni Elettorali lbieraħ ħabbret li n-numru ta’ tesserati eleġibbli biex jivvutaw fl-elezzjoni għall-ħatra ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista huwa ta’ 21,499.