Elezzjoni Italja: Salvini b’messaġġi diretti lejn l-Unjoni Ewropea

Matteo Salvini, il-Mexxej tal-Lega, il-partit li ġab l-aktar voti mill-koalizzjoni ċentru-leminija fl-elezzjoni fl-Italja tal-Ħadd li għadda, f’messaġġ lirett lejn l-Unjoni Ewropea qal li minn issa ’l quddiem it-Taljani se jmexxu lill-Italja.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, l-Ewroxettiku li hu wkoll Ewroparlamentari, sostna li bil-vot tat-Taljani issa hemm aktar Ewropej li jridu jinħelsu mill-madmad ta’ Brussell, skontu, mill-gaġġa li ġabet il-faqar, l-insigurtà u l-prekarjat.
“Se nibnu Ewropa mibnija fuq in-nies, u mhux fuq il-burokrazija li tispekula minn fuq dahar in-nies”, enfasizza Salvini.
Aktar kmieni dis-sena, Salvini kien qed jitkellem fil-Parlament Ewropew fi Strażburgu, meta qabbel lill-UE ma’ Titanic qed jegħreq.
Salvini, imlaqqa bħala l-Farage Taljan, kien anki semma l-possibiltà tal-ħruġ tal-Italja mill-Unjoni, u wiegħed li jirriforma l-liġijiet Ewropej, u fil-manifest tal-partit tiegħu hemm imniżżel li jrid jiddefendi l-fruntieri Taljani mill-immigrazzjoni, li sejħilha “invażjoni”.
Ilbieraħ kemm Salvini, kif ukoll Luigi Di Maio, il-kap tal-Moviment 5 Stilel, qalu li għandhom id-dritt li jiggvernaw, u dan wara li l-Moviment 4 Stilel waħdu, mingħajr ma kien imsieħeb f’ebda koalizzjoni, ġab l-aktar voti, jiġifieri 32.9%.
Il-partit ta’ Salvini ġab 17.2%, iżda l-koalizzjoni li hu fiha b’kollox ġabet 36% tal-voti, 4% aktar mill-Moviment 5 Stilel, partit li ma jxaqlibx lejn ix-xellug jew il-lemin, iżda hu partit Ewroxettiku u kontra l-ordni tal-ġurnata.
Sadanittant, l-aħħar riżultati qed juru li fil-Kamra tar-Rappreżentanti, il-koalizzjoni ċentru-leminija ġabet 260 siġġu, il-Moviment 5 Stilel 221, iċ-ċentru-xellugi 112-il siġġu, u l-partit xellugi Liberi e Uguali 14-il siġġu.
Fis-Senat, il-koalizzjoni ċentru-leminija ġab 135 siġġu, il-Moviment 5 Stilel 112, il-koalizzjoni ċentru-xellugija 57, u Liberi e Uguali 4 siġġijiet.
Ilbieraħ filgħaxija, l-eks-Prim Ministru Matteo Renzi, irriżenja minn Segretarju Ġenerali tal-Partit Demokratiku, il-partit li ġab l-aktar voti fil-koalizzjoni ċentru-xellugija.