Elezzjoni Italja: Min se jirbaħ?

Is-sondaġġi qed ibassru li l-eks Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi flimkien mal-alleati mil-Lemin Estrem se joħorġu bħala l-ikbar bloc iżda din mhux se tkun biżejjed biex ikollhom il-maġġoranza.
Skont il-sondaġġi l-Moviment 5 Stilel mistenni jkun l-ikbar partit waħdu fil-parlament. Dan minħabba li diversi Taljani m’humiex kuntenti dwar il-korruzzjoni u l-faqar li qed jkompli jiżdied fl-Italja. Il-Partit Demokratiku mistenni jiġi t-tielet.
Il-kofondatur ta’ YouTrend Pollsters qal li l-Moviment 5 Stilel kien qed iżid fil-momentum fl-aħħar jiem tal-kampanja eletorrali iżda se jkun diffiċli li l-partit iġib l-40% tal-voti neċessarji biex ikun ffurmat gvern.
Skont rapporti f’ġurnali barranin l-eks stratega tal-White House jinsab Ruma biex josserva l-elezzjonijiet mill-qrib.
Jekk ir-rebħa ma tkunx ċara jaf terġa tqum il-biża’ ta’ instabilità għas-suq.
Il-votazzjoni qed titieħed għall-ewwel darba taħt liġi eletorali ġdida u kumplessa. Dan jaf jwassal biex ir-riżultat jdum ma joħroġ.
Il-partiti populisti ilhom jiksbu popolarità madwar l-Ewropa mill-kriżi finanzjarja tal-2008. Fl-Italja l-ekonomija għadha madwar 6% iżgħar minn kif kienet 10 snin ilu filwaqt li qgħadt qiegħed 11%.
F’każ li ma jkunx hemm rebbieħ ċar, il-ftehim biex jilħaq gvern ġdid jaf idum ftit ġimgħat.
Il-President tal-Italja, Sergio Mattarella, ma jistgħax jibda taħdidiet formali dwar il-gvern ġdid qabel l-ewwel seduta tal-parlament il-ġdid f’23 ta’ Marzu. Iktar minn hekk il-Prim Ministru l-ġdid għandu bżonn il-vot taż-żewġ kmamar qabel ma jilħaq.
Minkejja li l-mexxejja tal-partiti kollha qalu li mhux se jidħlu f’alleanzi mar-rivali tagħhom wara l-elezzjoni, ħarsa lejn l-istorja tal-pajjiż turi kif l-Italja kapaċi toħroġ minn dawn is-sitwazzjonijiet.