​Elezzjoni Italja: Membri tal-PD jikkunsidraw ftehim mal-M5S

Membri għolja tal-Partit Demokratiku Taljan ilbieraħ kienu qed jikkunsidraw ftehim mal-moviment tal-ħames stilel (M5S) wara elezzjoni ġenerali li fiha l-ebda partit ma kiseb maġġoranza assoluta.
Matteo Salvini, il-mexxej tal-Lega tal-lemin, qal li t-tim tiegħu kien lest li jiggverna. Fil-koalizzjoni tal-lemin, il-partit ta’ Silvio Berlusconi Forza Italia ġie fit-tieni post.
Salvini qal li għandu programm flimkien ma’ tim li lest li jibda jaħdem mil-lum.
Il-kap tal-M5S Luigi Di Maio ddikkjara li l-partit tiegħu kien rebaħ, però hu se jkollu bżonn jifforma alleanzi jekk irid jikseb maġġoranza fil-parlament.
Intant, Matteo Renzi li ħabbar ir-riżenja tiegħu bħala Kap tal-Partit Demokratiku, qal li ma kienx hemm ċans li jsir xi ftehim mal-M5S jew mal-koalizzjoni tal-lemin. Huwa qal fuq Facebook li ma kienx lest li jaħdem ma’ dawk li insultawh matul is-snin u li jirrappreżentaw valuri opposti minn dak li jħaddan hu.
Però, uffiċjali oħra mill-partit tiegħu ma jaqblux mar-raġunament tiegħu u qed ikomplu jagħmlu pressjoni biex jirriżenja.