Elezzjoni għal mexxej ġdid tal-PL f’Jannar

Muscat beħsiebu jibqa' iżomm postu sa Jannar

Miguela Xuereb

Read in English.


Sorsi infurmati viċin il-Partit Laburista kkonfermaw ma’ Newsbook.com.mt li l-elezzjoni għall-mexxej ġdid tal-Partit Laburista se ssir f’żewġ fażijiet f’Jannar 2020. Muscat beħsiebu jibqa’ jżomm postu sa Jannar u ma jilqax it-talbiet li qed isiru minn diversi biex jirreżenja immedjatament għax jemmnu li fid-dawl ta’ dak li ġara l-pożizzjoni tiegħu m’għadiex tenibbli.

Fit-8 ta’ Jannar se ssir l-elezzjoni li għaliha jivvutaw id-delegati. Imbagħad fit-18 ta’ Jannar issir elezzjoni mit-tesserati.

L-istess sorsi qalulna li l-istrutturi tal-Partit Laburista diġa bdew ix-xogħol neċessarju għall-elezzjoni għal mexxej ġdid tal-Partit Laburista.

F’dawn l-aħħar jiem intensifikat il-pressjoni biex Joseph Muscat jirriżenja, Hu ta wieħed x’jifhem li se jagħmel hekk kif jintemmu l-investigazzjonijiet dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fost dawk li issemmew sa issa hemm hemm id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u u l-MEP Miriam Dalli. Kien jissemma wkoll Konrad Mizzi li wieħed jifhem li mhux se joħroġ għall-elezzjoni.

Skont l-istatut tal-Partit Laburista

Kull membru tal-Partit hu eleġibbli biex jikkontesta għall-kariga ta’ Mexxej.  

Il-Kungress tal-Partit ikun magħmul mid-Delegati tal-Konferenza Ġenerali; Uffiċjali u Membri tal-Kumitati; Sezzjoni Kunsilliera; Forum Kandidati; u Membri tal-Partit li jkunu ilhom mill-inqas ħames snin regolari fil-ħlas. 

Il-Kungress jeleġġi l-Mexxej tal-Partit skont ir-regolamenti fil-KAP XVIII. 

Jekk in-numru jkun ta’ aktar minn tnejn (2),  tissejjaħ Konferenza Ġenerali biex tagħżel tnejn (2) mill-kontestanti. 

Iż-żewġ kontestanti li jġibu l-aktar voti fil-votazzjoni fil-Konferenza Ġenerali, jkunu ż-żewġ kontestanti li jitressqu għall-elezzjoni fil-Kungress tal-Partit. 

Illi l-Kungress tal-Partit għandu jitlaqqa’ mhux aktar tard minn ħmistax-il ġurnata wara d-data tal- għażla ta’ żewġ kontestanti mill-Konferenza Ġenerali. 

Fil-Kungress tal-Partit jipparteċipaw dawk kollha eleġibbli skont dan l-Istatut.