Elezzjoni bikrija f’Iżrael

Read in English.

Iżrael ser ikollu jmur għall-elezzjoni bikrija, r-raba’ waħda f’sentejn, f’Marzu li ġej, wara li l-parlament naqas milli jilħaq ftehim, fit-termini ta’ skadenza stabbiliti bil-liġi, biex jgħaddi l-baġit. 

L-elezzjonijiet ta’ Marzu se jfissru li l-Iżraeljani se jivvutaw 12-il xahar biss wara l-aħħar elezzjoni. Iż-żewġ elezzjonijiet preċedenti ma kinux konklużivi, u rriżultaw fi gvern ta’ koalizzjoni li kien jġib flimkien iż-żewġ partiti prinċipali. 

F’nofsillejl (ħin lokali) li l-parlament ta’Iżrael, il-Knesset, ġie xolt awtomatikament. 

Tentattivi li kien hemm biex tiġi evitata l-elezzjoni fallew wara li abbozz ta’ liġi biex jippermetti aktar ħin, kontra kull mistenni, ma kienx approvat.

Analisti politiċi qalu li Netanyahu kien qed jittama li juża il-kwistjoni dwar il-baġit biex jisforza elezzjoni li permezz tagħha, joħroġ mill-ftehim dwar il-koalizzjoni mal-partit ta’ Gantz. Madanakollu huwa kien qed jittama li l-elezzjoni ssir f’Mejju jew Ġunju. 

Netanyahu f’diskors li għamel lin-nazzjon, apparti li kkundanna lil Gantz, qal li hu konvint li ser jirbħu l-elezzjoni. Minn naħa tiegħu Gantz qal li Netanyahu sejjer għall-elezzjoni bl-iskop li jevita li jgħaddi proċeduri legali. Netanyahu jinsab akkużat b’rejati ta’ korruzzjoni.