Elezzjoni Amerikana: Biden fuq quddiem fi stati kruċjali

Aġġornat 06:57 AM

Read in English.

Il-kamra tal-aħbarijiet tas-CNN qalet li d-Demokratiku Joe Biden jinsab fuq quddiem f’erba’ minn ħames stati l-iktar kruċjali. Madankollu l-Associated Press fuq Twitter appellat biex tinżamm il-kalma sakemm ikomplu jingħaddu l-voti ta’ din l-elezzjoni presidenzjali u jiġi ddikjarat ir-rebbieħ.

Skont ir-rapport ta’ CNN, Biden jinsab fuq quddiem Pennsylvania (0.1%), Georgia (0.0%), Nevada (+1.7%) u  Arizona (+1.4%) filwaqt li Trump jinsab fuq quddiem f’North Carolina b’1.4%.

Aktar kmieni

Il-kandidat Demokratiku Joe Biden jinsab fuq quddiem f’numru ta’ stati kruċjali li jistgħu iwassluh sabiex jirbaħ l-elezzjoni Presidenzjali Amerikana kontra r-Repubblikan Donald Trump.

Bhalissa Biden jinsab fuq quddiem fl-istat ta’ Pennsylvania. Stati oħra li Biden jinsab fuq quddiem huma Arizona, Nevada u Georgia.

B’hekk Biden, b’253 vot jinsab aktar qrib minn Donald Trump b’214 vot, biex jilħaq il-270 vot meħtieġa mill-Kulleġġ Elettorali li jiddetermina r-rebbieħ.

Il-media Amerikana qed tirrapporta kif dan hu mument sinjifikanti fl-elezzjoni presidenzjali.

Il-Ħamis, il-President tal-Istati Uniti Donald Trump beda dak li qed jissejjaħ bħala “attakk straordinarju” fuq il-proċess demokratiku tal-pajjiż, fejn waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-White House stqarr – b’mod falz – li l-elezzjoni qed “tinsteraq” minnu.

Trump ma ppreżenta ebda evidenza biex isostni d-dikjarazzjoni tiegħu, filwaqt li attakka l-uffiċjali tal-għadd tal-voti u allega froti fi stati fejn l-aħħar settijiet ta’ voti mhux magħduda qed jimbutta lid-Demokratiku Joe Biden eqreb lejn ir-rebħa.