Elezzjoni 2013: L-għadd tal-voti jibda wara l-11am

L-għadd tal-voti l-għada tal-elezzjoni, mhux mistenni jibda qabel il-11am. Dan tħabbar mill-Kummissjoni Elettorali waqt konferenza tal-aħbarijiet għall-mezzi tax-xandir.

B’hekk, indikazzjoni ċara ta’ min rebaħ tasal mill-partiti politiċi fl-ewwel sigħat tal-Ħadd waranofsinhar, sakemm ir-riżultat ma jkunx xi wieħed viċin ħafna kif ġara fl-2008. Bħal dejjem, ir-riżultat uffiċjali mill-Kummissjoni Elettorali jasal biss fis-sigħat bikrin tat-Tnejn filgħodu.

Bi qbil mal-partiti politiċi, l-ewwel ma jingħaddu huma l-ewwel ħamsin vot minn kull kaxxa ta’ kull distrett. Qabel ma jitlesta dan, ma jkunx jista jkompli l-proċess. Dan biex jagħti stampa aktar ċara tar-riżultat liż-żewġ partiti.

Il-Kummissjoni Elettorali qalet li f’ċertu distretti il-proċess tal-għadd tal-voti jista jkun għaddej b’aktar ħeffa minn distretti oħra. Qalet li dan ma jkunx jiddependi fuq il-ħeffa tal-assistenti tagħha, iżda jiddependi fuq it-tul tal-polza tal-vot u n-numru ta’ kandidati f’dak id-distrett. It-taħriġ għal dawk li jgħoddu beda f’Ottubru li għadda, u jammontaw għal kważi 1,300 persuna. Madwar nofshom huma nisa, li hija l-akbar rata f’dawn l-aħħar snin.

B’differenza minn snin oħra, mal-għeluq tal-votazzjoni se jibda mal-ewwel il-proċess tal-ftuħ tal-kaxxi fis-sala tal-għadd tal-voti fin-Naxxar. Dan peress li jibdew jinfetħu l-kaxxi ta’ min ivvota ġimgħa qabel, u l-kaxxi tal-isptarijiet, liema votazzjoni se tkun saret il-ġurnata ta’ qabel.

Għal din l-Elezzjoni Ġenerali, hemm 8,200 persuna li għadhom ma ġabrux id-dokument tal-vot. Dan minkejja li fl-ewwel jiem ta’ din il-ġimgħa, kien hemm 1200 persuna li ġabru l-vot matul il-ġurnata tat-Tnejn, u 664 persuna matul il-ġurnata tat-Tlieta.

Huma għandhom sal-Ħamis f’nofsillejl biex jagħmlu dan minn Evans Building il-Belt.

Il-Kummissarju Elettorali Salvu Gauci, qal li n-numru relattivament żgħir ta’ voti li għadhom ma nġabrux huwa minħabba li saret kampanja elettorali twila, u b’hekk kien hemm proċess itwal ta’ tqassim ta’ voti.