Elezzjonijiet suspettużi fil-Kambodja

Il-votazzjoni fil-Kambodja ntemmet f’elezzjoni kontroversjali bi gruppi favur id-drittijiet umani jgħidu li dawn l-elezzjonijiet la kienu ħielsa u lanqas ġusti minħabba intimidazzjoni kontra l-votanti u nuqqas ta’ alternattiva għall-Prim Ministru Hun Sen.

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Elezzjonijiet tal-pajjiż qalet f’dokument li bagħtet wara l-votazzjoni li l-għadd tal-voti mitfugħa kien ta’ 70 fil-mija iżda osservaturi politiċi xehdu li x-xeni madwar il-postijiet tal-votazzjoni juru mod ieħor bin-numru ta’ organizzaturi u uffiċjali li jmexxu l-proċess jiżboq in-numru ta’ nies li marru jivvutaw.

Hun Sen, l-eks kmand tal-Khmer Rouge kien għeleb ir-reġim qattieli ta’ Pol Pot u ilu jmexxi lill-pajjiż għal 30 sena bħala l-aktar Prim Ministru li ilu fil-kariga.