Electrogas: L-aħjar offerta minkejja li ma ntużax l-istess kejl?

Id-deputat Laburista Glenn Bedingfield qal li l-konsorzju tal-Electrogas kellu l-aħjar offerta u l-poplu Malti se jibqa’ jgawdi kontijiet tad-dawl bl-irħis. Min-naħa tagħha, id-deputata Nazzjonalista Marthese Portelli argumentat li kif ħareġ mir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-power station, il-Gvern wera biċ-ċar li mhux lest li jimxi bl-istess kejl ma kull investitur, iżda ma qalitx jekk il-PN fil-Gvern hux se jagħlaq il-powerstation tal-Electrogas jew le.

Il-garanzija bankarja tal-Electrogas tqajjem dubji

Fil-programm Newsline fuq RTK103FM tas-Sibt filgħodu, id-deputata Nazzjonalista Marthese Portelli qalet li l-pajjiż qed iħallas b’madwar €14-il miljun ogħla għall-elettriku. Hija rreferiet għall-“garanzija bankarja” li ngħata l-konsorzju tal-Electrogas fejn kkwotat kliem il-Ministru Edward Scicluna stess, li qal li din kienet l-ewwel darba li ngħatat. Irreferiet għall-kummenti tal-Awditur Ġenerali meta qal li din imminat ol-proċess tat-tendering u naqqset mill-ġustizzja.

“Il-kelma ‘korruzzjoni’ fl-ebda paġna tar-rapport” – Bedingfield

Dwar dan wieġeb id-deputat Laburista Glenn Bedingfield, li qal li l-uniċi nuqqasijiet li nstabu mill-Awditur Ġenerali kienu “amministrattivi” u ta’ “natura suġġettiva”. Saħaq li dawn in-nuqqasijiet ma kellhom l-ebda effett fuq l-għażla finali, u li fl-ebda paġna ma tissemma l-kelma “korruzzjoni”.

Glenn Bedingfield qabbel il-prezzijiet tal-elettriku bejn dawk tal-interconnector li huma ta’ €129 kull kilowatt, filwaqt li l-prezz tal-power station kien ta €78. Għal dan, Marthese Portelli sostniet li l-prezz tal-elettriku mill-power station ma jkoprix l-ispejjeż kollha.

“L-ebda uniformità fil-proċess tat-tender” – Portelli

Marthese Portelli fakkret li l-Awditur Ġenerali semma li fost id-19-il investitur interessat fil-bini tal-power station, ma kienx hemm uniformità fil-mod ta’ kif ġew trattati. Żiedet tgħid li uħud mill-investituri inqalgħu ‘il barra mill-proċess, filwaqt li oħrajn bl-istess nuqqasijiet tħallew ikomplu għaddejjin.

“Ma nafx jekk l-evidenza dwar 17Black hijiex falsifikata”

Dwar il-kumpanija 17Black, Marthese Portelli qalet li hemm il-kawżi l-oħra għaddejjin fil-qorti, filwaqt li Glenn Bedingfield qal li ma jafx jekk dik l-evidenza hijiex falsifikata jew le, imma jrid jistenna l-investigazzjonijiet li għaddejjin bħalissa.

Bedingield kompla jgħid li d-deċiżjonijiet iridu jittieħdu ladarba l-inkjesta tkun konkluża, biex ma jerġax jiġri kif qal li ġara fl-inkjesta Egrant. Huwa qal li l-Oppożizzjoni għandha “tfixkil monumentali”.

“Il-politiċi b’responsabiltà akbar minn taċ-ċittadini”

Tkellmu wkoll dwar il-ġarr tar-responsabiltà, fejn Marthese Portelli qalet li bħala politiċi, huma għandhom responsabiltà akbar minn dik taċ-ċittadini.

Dwar dan, Glenn Bedingfield qal li l-aktar li jinkwetawh huma l-allegazzjonijiet li jsiru bl-addoċċ mill-politiċi u mill-ġurnalisti, meta ma jkun hemm l-ebda prova dwarhom.