Electrogas: “Għandkom iċ-ċans tifdu lilkom infuskom” – Il-Kap tal-Oppożizzjoni lill-Gvern

Bernard-Grech
Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal lill-Membri Parlamentari tal-Gvern li għandhom iċ-ċans jifdu lilhom infushom billi jappoġġjaw il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex tinbeda inkjesta pubblika fuq il-proġett tal-Electrogas. Huwa qalilhom li dan hu l-aħħar ċans tagħhom biex ikunu fuq in-naħa t-tajba tal-istorja.

L-Oppożizzjoni llum ressqet b’mod uffiċjali l-mozzjoni tagħha biex titwaqqaf inkjesta pubblika fuq il-proġett tal-powerstation tal-Electrogas. Fil-Parlament ġiet diskussa din il-mozzjoni u saru argumenti miż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati.

Grech akkuża lill-membri parlamentari tal-Partit Laburista li ma jridux inkjesta għax jibżgħu li toħroġ il-verità fuq dan il-proġett. Huwa akkużahom li “il-ħmieġ mill-arja tfajtuh fil-bini u l-operat tal-powerstation.” Wara li sema’ dak li qalu l-membri tan-naħa tal-PL fuq din il-mozzjoni tal-PN, Grech qal li qed jippruvaw jiġġustifikaw irwieħhom billi jgħidu x’għamlu fl-2013, jew x’għamel ħażin il-Gvern Nazzjonalista, “imma xorta fl-ebda mument ma ddefendew dan il-ftehim maħmuġ għax ma rnexxilhomx isibu l-kuraġġ jiddefendu lil Konrad Mizzi.”

“Inkjesta pubblika bla limitu mxandra fuq it-televixin” – Aquilina

Skont id-Deputat Karol Aquilina, l-inkjesta m’għandhiex tkun marbuta b’terminu ta’ żmien kif inhi l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Din l-inkjesta għandha ddum kemm jiddeċiedi l-Bord tal-Inkjesta, billi hu jara kemm għandu bżonn żmien. Ladarba l-inkjesta titlesta mbagħad, il-Bord għandu jagħti rakkomandazzjonijiet ta’ x’jista’ jsir ‘il quddiem.

Il-Bord tal-Inkjesta, saħaq Aquilina, għandu jkollu l-poter li jiskopri l-verità u li jikxef il-fatti kollha fuq il-proġett tal-Electrogas, fosthom min avviċina lil min u min ippjana kif isiru l-affarijiet, peress li hu allega li kien hemm konġura dwar dan il-proġett qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013. Apparti hekk, saħaq id-Deputat, jeħtieġ li jkun magħruf x’interess kellhom nies qrib il-politiċi u l-politiċi stess li imbuttaw dan il-proġett.

L-Oppożizzjoni ssuġġeriet li r-rapport tal-inkjesta mbagħad m’għandux jitpoġġa f’kexxun imma jasal għand l-Ispeaker tal-Kamra u dan ipoġġih fuq il-mejda tal-kamra sabiex jiġi ppubblikat minnufih.

Id-Deputat Ryan Callus elenka għadd ta’ irregolaritajiet f’dan il-proġett. Ewlieni fosthom kien il-fatt li l-persuna li mexxiet l-evalwazzjoni fir-raba’ stadju ta’ aġġudikazzjoni dwar l-offerta ppreżentata mill-Electrogas kienet Brian Tonna, il-Managing Partner ta’ Nexia BT, li kienet l-istess ditta li ġiet appuntata bħala awditur tal-kumpanija GEM Holdings Limited li kellha u għad għandha sehem fil-kumpanija Electrogas Malta Limited.

Hu ddiskuta wkoll il-garanzija bankarja ta’ €360,000,000 li ta l-Gvern, li kemm l-Awditur Ġenerali kif ukoll is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi stqarrew li kienet ta’ riskju kbir li ma kellux jittieħed mill-Gvern. Minn dawn tħallsu €16-il miljun “success fee”, fosthom €2.5 miljun lil Yorgen Fenech.

Id-Deputat Therese Comodini Cachia kkummentat fuq kif dawn l-ispejjeż kellhom jissejħu spejjeż ta’ żvilupp u mhux ta’ suċċess. Hi kkwotat ukoll email mibgħuta minn Yorgen Fenech li dak iż-żmien kien direttur tal-Electrogas, fl-2015, b’din l-istruzzjoni.

“Għax-xows ma jirbħilkom ħadd” – Bedingfield

L-Oppożizzjoni qed tissuġġerixxi wkoll li l-inkjesta pubblika tixxandar b’mod dirett fuq it-televixin sabiex ikun hemm il-parteċipazzjoni tan-nies.

Din il-proposta ġiet kritikata bil-kbir mill-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield li qal li għax-xows, lill-Oppożizzjoni, ma jirbħilhom ħadd, “mhux ta’ b’xejn iridu l-inkjesta fuq it-televixin.” Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qabel ma’ dan is-sentiment ta’ Bedingfield.

Aquilina kritika wkoll kliem il-Prim Ministru Robert Abela li l-istituzzjonijiet jaħdmu, u qal li dan huwa daħk fil-wiċċ. Staqsa liem istituzzjoni kienet li żvelat min hu sid il-kumpanija 17 Black.

Il-Gvern jisfida lil Grech biex jitlob inkjesta maġisterjali

Is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo ressaq emenda għal din il-mozzjoni, sabiex jitneħħew ir-referenzi kollha għal inkjesta pubblika. Hu appella lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex iressaq talba formali għal inkjesta maġisterjali jekk għandu daqshekk evidenza fuq il-proġett fil-pussess tiegħu.

Id-Deputat Karol Aquilina qal li l-Ministru tal-Enerġija Michael Farrugia jrid iwarrab għax jaf eżattament x’ġara.

Fit-tweġiba tiegħu, Farrugia ta rendikont ta’ fiex kienet l-Enemalta meta l-Partit Laburista tela’ fil-Gvern fl-2013. Saħaq li ma jistħix jgħid li kien parti mill-preparazzjoni għal dan il-pjan. Fakkar lill-Oppożizzjoni li diġà saret investigazzjoni mill-Awditur Ġenerali fuq l-Electrogas li ma kien sab xejn ħażin u sab li l-Electrogas kienet l-aħjar għażla għall-irħas kontijiet. Farrugia insista li li kieku Malta straħet fuq l-interconnector, kif proponiet l-Oppożizzjoni, kienu s-sena li għaddiet kienet tispiċċa fi dlam ċappa meta saret ħsara fih.

Huwa kritika l-inkjesta pubblika fuq l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia għax qal li din qed tidħol fi kwistjonijiet li m’għandhomx x’jaqsmu.

Id-Deputat Bedingfield ikkummenta fuq kif in-nies tan-Nofsinhar ta’ Malta qed jgħixu aħjar b’dan il-proġett. Huwa sfida lill-Oppożizzjoni billi qal li jekk iridu jagħmlu inkjesta misshom imorru għand maġistrat. Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici kkummenta fuq kemm raħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma b’dan il-proġett u kif dan il-proġett għen lill-ambjent ukoll billi b’differenza mill-powerstation ta’ qabel, ma jintużax qatran.

Se jittieħed vot fuq il-mozzjoni f’seduta oħra.