El Hiblu 1: L-Uffiċjal Prinċipali jiċħad li rrapporta li kellu nies feruti abbord

REUTERS/Darrin Zammit Lupi

L-Uffiċjal Prinċipali tal-bastiment El Hiblu xehed fil-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra t-tliet żgħażagħ akkużati bil-ħtif tal-bastiment El Hiblu fost oħrajn. Ir-raġel ċaħad li rrapporta li kellu nies midruba abbord il-bastiment.

It-tliet żgħażagħ li għandhom 15, 16 u 19-il sena reġgħu dehru fil-Qorti llum wara seduta twila ‘l bieraħ.

AQRA: Għada mistenni jixhed il-Kaptan ta’ El Hiblu 1

Nader El Hiblu ta’ 42 sena u li jiġi ħu sid il-bastiment li xehed il bieraħ qal li tliet żgħażagħ saru aggressivi meta l-immigranti ndunaw li kienu se jittieħdu lura l-Libja.

Fil-Qorti El Hiblu sostna li ma kien l-ebda vjolenza abbord il-bastiment u li l-kaptan kien fil-kontroll tal-bastiment. Iż-żgħażagħ “ordnaw” lill-bastiment jdur lejn Malta.

Il bieraħ il-Qorti semgħet kif lill-immigranti qalulhom li se jkunu qed jittieħdu l-Ewropa iżda l-bastiment tal-awtoritajiet li kellu jasal, ma wasal qatt, bl-ekwipaġġ jiddeċidi li jkompli bir-rotta tiegħu. It-Tlieta fil-Qorti ħareġ li l-Kaptan li wara rriżulta li kien l-Uffiċjal Prinċipali hekk kif il-Kaptan ma jitkellimx Ingliż qal lill-Forzi Armati ta’ Malta diversi drabi li l-bastiment kien taħt attakk.

L-inġinier prinċipali qal lill-Qorti li l-bastiment stenna biss nofsiegħa t-Tlieta iżda fix-xhieda tal-Uffiċjal Prinċipali ħareġ li dam jistenna madwar sitt sigħat.

L-uffiċjal prinċipali qal lill-Qorti li l-immigranti qabdu l-għodda u bdew issabtu mal-vapur x’ħin indunaw li sejrin lura lejn il-Libja l-għada li ġew salvati. Huwa qal li l-ewwel akkużat sabbat b’ħadida, wieħed għatta l-kameras filwaqt li ieħor serva ta’ interpretu.

L-avukati Cedric Mifsud, Neil Falzon, Gianluca Cappitta u Malcolm Mifsud.

L-Ispettur Omar Zammit mexxa l-prosekuzzjoni.

Il-Qorti kienet ippreseduta mill-Maġistrat Aaron Bugeja.