El Hiblu 1: Għall-prosekuzzjoni l-kriżi fil-Libja mhix ġustifikazzjoni

REUTERS/Darrin Zammit Lupi

Il-prosekuzzjoni li qed tmexxi l-każ kontra tliet żgħażagħ b’rabta mal-każ tal-bastiment El Hiblu 1 qalet li s-sitwazzjoni fil-Libja mhix ġustifikazzjoni għal dak li ġara. Il-Libja ila f’sitwazzjoni ta’ kriżi bi vjolenza u instabilità politika mill-2011 meta nqatel il-mexxej Muammar Gaddafi.

L-Ispettur tal-Pulizija Omar Zammit qal li l-argumenti tad-difiża dwar is-sitwazzjoni fil-Libja ma kienux ġustifikazzjoni. Żied jgħid li “bir-rispett kollu dan qisu qed ngħid li meta l-wild tiegħi jkun marid, jien immur nisraq biex ngħinu.”

L-età ta’ tnejn mit-tliet żgħażagħ akkużati fil-każ tal-El Hiblu 1 ġiet ikkonfermata skont l-avukat tad-drittijiet umani Neil Falzon.

Tnejn mit-tliet persuni akkużati b’atti terroristiċi li jġibu magħhom sentenzi bejn seba’ snin u għomor il-ħabs għandhom 15 u 16-il sena. L-akkużat l-ieħor għandu 19-il sena. Il-minuri inżammu f’taqsima ta’ sigurtà għolja fil-ħabs minflok fiċ-Ċentru Residenzjali għas-Servizzi Restorattivi (CoRRS) fl-Imtaħleb.

L-Ispettur tal-Pulizija Omar Zammit argumenta li s-sitt membri tal-ekwipaġġ li taw ix-xhieda tagħhom kienu konsistenti bil-verżjoni tagħhom ta’ x’ġara. Zammit qal li dan jippunta lejn il-ħtija tal-akkużati.

El Hiblu 1: L-Uffiċjal Prinċipali jiċħad li rrapporta li kellu nies feruti abbord

L-avukat tad-difiża Cedric Mifsud qal li mill-evidenza ma setax jara kif iż-żgħażagħ kienu se jagħmlu ħsara serja lil Malta.

B’referenza għall-akkuża ta’ ħsara estensiva, Mifsud irrefera għat-tweġibiet li ngħataw mix-xhud meta ġew mistoqsija jekk l-immigranti kienux kissru l-ħġieġ tal-bastiment. Ix-xhud wieġbu fin-negattiv. Mifsud enfasizza li wieħed mill-akkużati huwa tifel ta’ 15-il sena li qed jiffaċċja possibilità ta’ għomor il-ħabs.

3 żgħażagħ jinżammu taħt arrest wara li “ħatfu bastiment”

Wieħed mill-akkużati ma kienx qed iħossu tajjeb waqt is-seduta. Il-Maġistrat Aaron Bugeja talab lill-uffiċjali tal-ħabs biex jgħinuh jimtedd fuq wara tal-awla. Iż-żagħżugħ nħareġ mill-awla u reġa’ daħal aktar tard. Xorta kien għadu jidher li ma kienx jiflaħ.

Id-difiża ppreżentat l-argumenti tagħha dwar għalfejn fil-fehma tagħha ż-żgħażagħ ma arrestawx lill-ekwipaġġ. Qalu li meta l-Forzi Armati ta’ Malta staqsew lill-ekwipaġġ biex iwaqfu l-bastiment, huma hekk għamlu.

Għal rapport dettaljat tista’ tidħol hawn.