El Hiblu 1: Appell biex jitwaqqgħu l-akkużi ta’ ħtif tal-bastiment kontra t-3 żgħażagħ

El Hiblu
REUTERS/Darrin Zammit Lupi

Read in English.

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ħaddiema taż-Żgħażagħ (Maltese Association of Youth Workers – MAY) ħeġġet lill-awtoritajiet biex iwaqqgħu l-akkużi kollha fuq ħtif ta’ bastiment fil-konfront ta’ tliet żgħażagħ Afrikani.

Dan l-appell sar b’appoġġ tal-appell li għamlet l-Amnesty International li wkoll talbet lill-awtoritajiet Maltin iwaqqgħu l-akkużi fuq l-allegat ħtif tal-vapur tal-merkanzija El Hiblu. It-tliet żgħażagħ akkużati għandhom 15, 16 u 19-il sena.

Fl-20 ta’ Novembru, l-Amnesty International bdiet kampanja għaż-żgħażagħ, li qed issejħilhom “Hiblu 3,” akkużati li wettqu dan f’Marzu tal-2019.

Huma qed jaffaċċjaw sentenza ta’ bejn seba’ snin u 30 sena ħabs. Tnejn minnhom huma mill-Guinea u l-ieħor huwa mill-Kosta tal-Avorju. Allegatament, iż-żgħażagħ kienu parti minn grupp ta’ madwar 100 immigrant, u allegatament heddew lill-membri tal-ekwipaġġ u sfurzaw il-bastiment biex imur Malta minflok il-Libja.

Christian Mizzi minn MAY qal li l-każ għandu jingħalaq qabel jgħaddi ġuri. Saħaq li dawn iż-żgħażagħ kellhom id-dritt jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jfittxu l-ażil, u m’għandhomx jiġu kkastigati t’hekk. “Nemmnu li għandhom jingħataw iċ-ċans li jagħtu kontribut pożittiv lis-soċjetà.”

Il-kampanja ta’ Amnesty International għandha tibqa’ għaddejja sal-31 ta’ Diċembru.