El Hiblu 1: 3 żgħażagħ fosthom 2 minuri jibqgħu jinżammu arrestati

REUTERS/Darrin Zammit Lupi

It-tliet żgħażagħ li qed jiffaċċjaw akkużi fil-konfront tagħhom fil-każ tal-bastiment El Hiblu 1, ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest dan wara li l-Imħallef Giovanni Grixti, ma laqax it-talba fuq punti ta’ proċedura.

AQRA: El Hiblu 1: Għall-prosekuzzjoni l-kriżi fil-Libja mhix ġustifikazzjoni

It-tliet żgħażagħ li għandhom 15-il, 16-il u 19-il sena, għadhom qed jinżammu taħt arrest preventiv. Iktar kmieni dil-ġimgħa, f’Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Aaron Bugeja, il-Maġistrat sab li hemm biżżejjed evidenza biex it-tliet żgħażagħ jitpoġġew taħt att ta’ akkuża.

AQRA: El Hiblu 1: Iż-żgħażagħ akkużati bil-ħtif tal-bastiment jitpoġġew taħt att ta’ akkuża

L-arrest preventiv huwa eċċezzjoni skont il-liġi filwaqt li l-liġi Ewropea tħeġġeġ lill-Qrati nazzjonali biex meta jkunu qed jikkunsidraw li tfal jinżammu taħt arrest preventiv wieħed għandu jieħu inkusidrazzjoni l-età tat-tfal u s-sitwazzjoni partikolari tal-individwu u tal-każ.

Fil-Qorti l-Avukat Ġenerali qal li t-tliet avukati kellhom jiffirmaw l-applikazzjoni għall-ħelsien mill-arrest, u argumenta li mhux ċar min qiegħed jidher għal min mit-tliet żgħażagħ.

L-avukati tat-tliet żgħażagħ se jkollhom jerġgħu japplikaw b’mod separat għat-tliet żgħażagħ wara li jgħaddu l-festi.

Il-ġimgħa l-oħra l-Qorti ma laqatx it-talba għall-ħelsien mill-arrest għax din ma waslitx għand l-Avukat Ġenerali sa t-Tnejn.

L-avukati Cedric Mifsud, Neil Falzon u Gianluca Cappitta qed jidhru għat-tliet żgħażagħ.