El Camino 2015 għal Franza, Spanja u l-Portugall

Tnediet l-El Camino 2015, fejn dawk li jipparteċipaw f’sensiela ta’ tliet mixjiet fi Spanja, Franza u fil-Portugall, jiġbru donazzjonijiet għall-Malta Community Chest Fund.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca spjegat li l-attività ‘El Camino’ hi pożittiva, spiritwali u ta’ min ifaħħarha.
Il-President qalet li din il-mixja għandha tifsira qawwija, għall-fatt li l-parteċipanti jagħmlu sagrifiċċju fiżiku qawwi, u jiġbru l-fondi.
L-attività se tkun magħmula minn tliet mixjiet li kollha se jintemmu f’Santiago de Compostela fi Spanja fit-28 ta’ Mejju li ġej.
Grupp ta’ Maltin se jitilqu fl-24 ta’ April li ġej minn St Jean Pied de Port fi Franza, u jimxu 800 kilometru, u żewg gruppi oħra se jitilqu jew minn Sarria fi Spanja jew minn Tui fil-Portugall. Dawn se jimxu 115 kilometru u se jitilqu fit-23 ta’ Mejju. Qabel ma jitilgħu, min jieħu sehem irid jiġbor ammont ta’ flus stipulat skont il-vjaġġ li jkunu għażlu li jagħmlu.
Għal iktar informazzjoni fuq l-attività ‘El Camino’, wieħed jista’ jċempel fuq 7928 6166 jew jibgħat imejl fuq caminiamo@gmail.com.
Ritratt: DOI – Omar Camilleri