Eku ta’ storja li bdiet minn ċajta… u spiċċat fi traġedja!

Fir-Renju Unit, eku tal-każ li beda minn ċajta u spiċċa fi traġedja…

L-infermiera li kienet taħdem fi sptar f’Londra li ħadet telefonata ċajta dwar id-Dukessa ta’ Cambridge instabet mejta. Id-Duka u d-Dukessa ta’ Cambridge qalu fi stqarrija li jiddispjaċihom ħafna dwar il-mewt tal-infermiera, Jacintha Saldanha.

Kelliem għall-isptar King Edward fejn l-infermiera kienet taħdem qalu li Saldanha kienet ilha taħdem l-isptar erba’ snin, kienet infermiera mill-aqwa u ħadet ħsieb mijiet ta’ pazjenti. L-infermiera ħadet it-telefonata fejn żewġ preżentaturi Awstraljani daħqu biha b’ċajta meta għamluha li huma r-Reġina Eliżabetta u l-Prinċep Karlu u riedu jkunu jafu l-kundizzjoni tad-Dukessa li dak iż-żmien kienet l-isptar fil-bidu tat-tqala tagħha.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Istazzjon Awstraljan SCA; Ryhs Holleran qal fi stqarrija li sakemm joħroġ avviż ieħor iż-żewġ preżentaturi mhux se jitħallew jirritornaw biex jieħdu sehem fil-programm tagħhom b’rispett lejn l-infermiera. L-istazzjon ukoll saħansitra waqqaf ir-reklami kollha sal-jum tat-Tnejn. Il-Kap tal-Awtorita’ dwar il-Kommunikazzjoni u l-Media fl-Awstralja Chris Chapman qal li għalissa ma jridx jikkummenta dwar passi dixxiplinari qabel jiltaqa’ mal-operatur tal-liċenzja tal-istazzjon fil-kwistjoni, madankollu sejjaħ dan il-każ bħala traġedja u bagħat il-kondoljanzi sinċiera tiegħu lill-familja tal-infermiera. Min naħa tagħha l-familja qed titlob privatezza mill-mezzi tax-xandir f’dan il-mument traġiku għaliha.

Saldanha kienet miżżewġa u kellha żewġt itfal. Hija wieġbet it-telefonata għax dak il-ħin min jilqa’ it-telefonati ma kienx xogħol. L-awtoritajiet tal-isptar qalu li l-infermiera ma kienetx ġiet sospiza u l-anqas ingħatat xi twissija dwar il-każ.