Eksuffiċjal tas-sigurtà akkużat li ttraffika d-droga f’Paceville

Raġel ta’ 39 sena tressaq il-Qorti mixli li lejliet l-ewwel tas-sena kien qed jitraffika l-kokaina f’Paceville.
Huwa kien akkużat li kellu u kien qed jitraffika mal-20 gramma kokaina f’post li huwa ffrekwentat miż-żgħażagħ.
Ir-raġel, li kien jaħdem bħala uffiċjal tas-sigurtà, wieġeb li ma kienx ħati iżda ammetta li kien jagħmel użu mid-droga.
Fil-Qorti ntqal li l-akkużat kien ammetta mal-Pulizija li kien ilu jitraffika d-droga minn Novembru u li għen fl-investigazzjonijiet.
Huwa ngħata l-libertà proviżorja u ġie ordnat ma jersaqx aktar lejn Paceville.