Eksuffiċjal tas-CIA akkużat b’rabta mal-ispjunaġġ fiċ-Ċina

Eksuffiċjal tas-CIA ġie arrestat u qed jiġi akkużat li żamm b’mod illegali informazzjoni kklassifikata b’rabta ma’ operazzjonijiet tagħha fiċ-Ċina.
Jerry Chun Shing Lee huwa ċittadin Amerikan naturalizzat, u ħadem għas-CIA bejn l-1994 u l-2007, meta mbagħad telaq lejn Hong Kong.
Il-każ ta’ Lee huwa wieħed minn operazzjoni akbar tal-FBI li bdiet fl-2012, u li kienet tittratta d-daqqa ta’ ħarta li qalgħet is-CIA fl-ispjunaġġ tagħha fiċ-Ċina.
Dan wara li bejn l-2010 u l-2012 madwar 20 infurmant għall-Istati Uniti fiċ-Ċina nqatlu jew spiċċaw il-ħabs.
Sa issa l-investigazzjonijiet għadhom ma wasslux lill-uffiċjali Amerikani biex jindunaw bil-kaġun, kinitx xi spija nkella kellhomx id-dejta tagħhom iħħekkjata.
Sadanittant, il-midja Amerikana qed tgħid li l-investigaturi issa qed jissuspettaw li Lee għen liċ-Ċina biex jgħaddi l-informazzjoni.
L-FBI fittxet fejn kien joqgħod u sabet żewġ kotba żgħar b’informazzjoni, statistika, ismijiet ta’ persuni jaħdmu għas-CIA, u anki n-numru tal-mowbajl tagħhom.
Madankollu dawn id-dokumenti ma juru bl-ebda mod li kien hemm xi ħolqa bejn Lee u l-Gvern Ċiniż.
Huwa qed ikun akkużat li żamm din l-informazzjoni b’mod illegali, u għal dan qed jaffaċċja sa 10 snin ħabs.
Lee ma ġiex akkużat bi spjunaġġ, liema akkuża kieku ġġorr magħha l-piena tal-mewt.