Eksuffiċjal tal-FIFA jammetti tixħim għat-Tazzi tad-Dinja tal-2010 u l-1998

Qed tkompli tagħqad il-kobba madwar il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Assoċjazzjonijiet tal-Futbol, il-FIFA, hekk kif fl-aħħar sigħat ġie ppubblikat transkript ta’ seduta f’Qorti Amerikana fejn eksuffiċjal għoli tal-FIFA ammetta korruzzjoni fil-futbol.
It-transkript tas-seduta ġie ppubblikat fl-aħħar ħin u juri li fl-2013, l-Amerikan Chuck Blazer ammetta total ta’ 10 akkużi kontrih fosthom li aċċetta tixħim biex jiġu influwenzati deċiżjonijiet dwar il-futbol dinji.
Blazer ammetta li hu u oħrajn kienu ilhom mill-2004 jaċċettaw tixħim biex it-Tazza tad-Dinja tal-2010 ssir fl-Afrika t’Isfel u semma wkoll tixħim li tħallas mill-Marokk għat-Tazza tad-Dinja tal-1998 li fl-aħħar spiċċat saret fi Franza.
Dawn id-dikjarazzjonijiet ħarġu inqas minn 24 siegħa wara li l-Afrika t’Isfel ċaħdet li hi xaħħmet biex it-Tazza tad-Dinja saret f’pajjiżha għalkemm ammettiet il-ħlas ta’ $10 miljun lill-eks-Viċi President tal-FIFA Jack Warner.
Min-naħa tiegħu, fl-aħħar ħin, Warner qal li xeba’ jaħbi sigrieti u se jikxef “valanga ta’ sigrieti” u jgħid kull ma jaf dwar l-allegat korruzzjoni, anke lil Sepp Blatter, anke jekk qal li qed jibża’ minn theddid fuq ħajtu. Warner qal li se jikxef ukoll rabtiet bejn il-FIFA u l-elezzjonijiet f’pajjiżu, Trinidad and Tobago.
Bejn l-Erbgħa u l-Ħamis tal-ġimgħa l-oħra, Warner ġie arrestat fuq mandat tal-Interpol imma mbagħad inħeles fuq libertà proviżorja.
L-investigazzjonijiet fl-Istati Uniti wasslu għal terremot sħiħ fil-futbol dinji u wasslu għar-riżenja tal-President tal-FIFA Sepp Blatter, jiem biss wara li kien ġie elett mill-ġdid fit-tmun għall-ħames darba konsekuttiva.
Il-ġimgħa li għaddiet, l-Istati Uniti talbet l-arrest ta’ 14-il persuna, 7 minnhom uffiċjali għolja tal-FIFA nkluż żewġ Viċi-Presidenti u l-eks-Viċi President Warner, waqt li 4 persuni oħra, fosthom Chuck Blazer, kienu diġà qed jiffaċċjaw formalment akkużi kontrihom.
L-Istati Uniti qed tqis li tħallsu b’kemm jiswew €130 miljun fi ħlasijiet minn taħt jew tixħim fl-aħħar 24 sena, 17-il sena minnhom meta l-FIFA kienet immexxija minn Blatter.