Eksuffiċjal tal-FIAU bi protest dwar diskriminazzjoni politika fit-tkeċċija tiegħu

Jonathan Ferris, l-Ispettur tal-Pulizija li kien jaħdem mal-Aġenzija tal-Gvern Kontra l-Ħasil tal-Flus, l-FIAU, u twaqqaf minn xogħlu talab lill-Qorti sabiex tiddikjara li dan ġara għax kien hemm motivazzjonijiet politiċi.
Huwa fetaħ il-kawża konta l-Avukat Ġenerali Peter Grech, li huwa wkoll Ċermen tal-FIAU.
Ferris, li fis-16 ta’ Ġunju kien għadu fiż-żmien ta’ probation mal-aġenzija, kien ġie infurmat li l-kuntratt tiegħu se jitwaqqaf.
Fiż-żmien li Ferris twaqqaf milli jaħdem mal-FIAU, l-Aġenzija kienet tinsab fiċ-ċentru ta’ kontroversja wara li rapport żvela li l-investigaturi fl-FIAU talbu lill-Pulizija tinvestiga liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, fuq suspett ta’ ħasil ta’ flus.
Ferris irrimarka wkoll li jiem wara li twaqqaf, il-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna, kien għadda kummenti li skontu juru l-partiġjaniżmu li kellu sehem fid-deċiżjoni ta’ min waqqfu.
Intervistat, Scicluna kien qal li r-rapporti dwar Keith Schembri u Konrad Mizzi kienu nkitbu mill-FIAU bl-intenzjoni li jinħarħu eżatt qabel l-elezzjoni ġenerali.
Fl-FIAU, Ferris kien qed imexxi investigazzjonijiet fuq persuni esposti politikament, u f’intervista mat-Times of Malta kien qal li tneħħa minn xogħlu biex jagħlqulu ħalqu.
Ferris fakkar li kien twarrab fl-FIAU eżatt meta l-whistleblower Russa fil-każ Egrant allegat li l-kumpanija hija ta’ mart il-Prim Ministru.
Sadanittant, il-Pulizija ċaħdet l-akkuża li injorat rapporti dwar Keith Schembri, u l-FIAU qalet li dejjem ħalliet il-ħaddiema tagħa jmexxu l-investigazzjonijiet fil-libertà kollha.