Eksstudenti fl-iskola ta’ ulied DCG b’mixja ta’ solidarjetà

Ġenituri u eksstudenti tal-iskola indipendenti, San Anton, se jorganizzaw mixja b’solidarjetà mal-familja Caruana Galizia, li fil-passat kellha bħala studenti tagħha lit-tfal, Matthew, Andrew u Paul Caruana Galizia.

L-iskola kitbet fil-paġna tal-Facebook tagħha li tinsab infurmata li l-ġenituri u l-eksstudenti se jorganizzaw dil-mixja, u faħħret din l-inizjattiva filwaqt li ħeġġet lil kull min jattendi l-iskola biex jingħaqad fil-mixja.
Fl-istqarrija tagħhom, il-ġenituri u l-eksstudenti qalu li jixtiequ jtennu kliem id-Direttur Ġenerali fid-Direttorat għall-Kwalità u l-Istandards fl-Edukazzjoni, Ian Mifsud, li aktar kmieni dil-ġimgħa sostna li l-edukaturi huma punt ta’ riferiment għaż-żgħażagħ u għalhekk għandhom jispiraw l-imħabba, kreattività u l-ħsieb kritiku li fi kliemu jwasslu għal soċjetà ġusta “anke bis-saħħa tal-libertà tal-espressjoni b’mod responsabbli.”
L-istqarrija tal-ġenituri u l-eksstudenti ttemm tenfasizza li din l-attività mhix politika u hi waħda sielma.
Il-mixja se ssir għada fit-2:45pm minn Triq ir-Repubblika sa quddiem il-Qorti, fejn imbagħad jitpoġġew fjuri, tpinġijiet u kartolini.
It-Tlieta li għaddew, 650 student flimkien mal-membri tal-istaff tal-iskola St Catherine’s High School u l-ġenituri tagħhom iffurmaw il-frażi #NOTOVIOLENCE, b'turija ta'solidarjetà.