Eksspija Russu: investigazzjoni anki fuq il-qabar tal-familja

Il-Pulizija Brittanika qed tibni aktar fuq l-ipoteżi li l-eksspija Russu, Sergei Skripal, u bintu ġew ivvelenati f’darhom stess f’Salisbury, mhux fl-inħawi tal-istabbilment tax-xiri fejn instabu mitlufin minn sensihom.
Barra minn hekk, mal-200 membru tal-forzi armati lbieraħ dehru fit-toroq ta’ Salisbury, partikularment fiċ-ċimiterju fejn hemm midfunin mart u bin Skripal, biex jittetjaw ukoll il-fdalijiet tagħhom.
Uħud minn dawn l-uffiċjali huma esperti fil-kimika.
Skripal kien uffiċjal irtirat tal-intelliġenza militari Russa, u fl-2006 kien ikkundannat minn pajjiżu għal 13-il sena ħabs meta nqabad li kien qed jaħdem għall-Ingliżi.
Kien jgħaddi informazzjoni lis-Servizz tal-Intelliġenza Sigrieta Brittanika, l-M16, dwar l-identità ta’ aġenti tal-intelliġenza Russa li kienu jkunu qed jaħdmu pajżana.
Sadanittant, fid-distrett ta’ Salisbury ġew stazzjonati wkoll uffiċjali mid-dipartiment tat-tneħħija tal-bombi, u dan ovvjament qajjem it-tħassib tar-residenti.
Għal dan is-Segretarju għall-Affarijiet Interni Brittanika, Amber Rudd, serrħet ras in-nies li m’hemmx iċ-ċans ta’ kontaminazzjoni, u dan hu proċess mitlub sabiex tinġabar l-informazzjoni t-tajba u dik relevanti.
Sergei u Yulia Skripal għadhom l-isptar mill-Ħadd li għadda f’qagħda kritika, u anki l-pulizija li kien l-ewwel li żar dar it-tnejn qiegħed l-isptar f’qagħda serja.
L-investigaturi qed jippruvaw isibu wkoll dan l-uffiċjal ġiex ivvelenat mill-istabbilment fejn sab liż-żewġ Russi mitlufin minn sensihom, jew minn darhom.
Hu maħsub li l-velenu li intuża kien kimika organika li jkun fiha l-fosfru, li l-effett tagħha hu li tipparalizzalek in-nervituri li jgħaddu l-messaġġi lill-organi fil-ġisem.