Ekspresident fil-Perù jinħafrulu 25 sena ħabs; in-nies fit-toroq

L-eks-President tal-Perù, Alberto Fujimori, ingħata maħfra presidenzjali lejlet il-Milied minħabba l-kundizzjoni ta’ saħħtu, u dan wassal biex minn dakinhar in-nies fil-Perù ma waqfux jipprotestaw fit-toroq.
Fujimora kien qed jiskonta sentenza ta’ 25 sena l-ħabs meta nstab ħati ta’ ksur tad-drittijiet umani u korruzzjoni, iżda l-ġimgħa l-oħra kellu jittieħed l-isptar minħabba pressjoni tad-demm baxxa u taħbit tal-qalb mhux kif sippost.
Minkejja l-maħfra fuq bażi ta’ saħħa, ħafna qed jaħsbu li l-president attwali, Pedro Pablo Kuczynski, għamel dil-mossa sabiex jinħabb ma’ sħabu tal-partit tiegħu minħabba li hemm iċ-ċans li hu jiġi akkużat b’atti illegali.
Qed jingħad li l-partit ta’ Kuczynski nhar il-Ħamis li għadda pprova jġib akkużi kontrih minħabba skandlu ta’ korruzzjoni.
Tajjeb jingħad li dal-partit huwa mmexxi minn bint l-ekspresident Fujimora.
Waqt vot li ttieħed biex jiġi deċiż jitressqux dawn l-akkużi, iben ieħor ta’ Fujimora, li jinsab fil-partit ukoll, ivvota biex Kuczynski jibqa’ president, iżda qal fil-beraħ li għamel hekk għax qalulu li kienu se jagħtu l-maħfra lil missieru jekk jivvota favur il-president attwali.
Sadanittant, żewġ membri tal-Kungress Peruvjan, li hu mmexxi mill-partit tal-president, irriżenjaw f’att ta’ protesta.
Fujimori kien mexxa lill-pajjiż fid-Disgħinijiet sas-sena 2000, u l-ammiraturi tiegħu jarawh bħala l-bniedem li ġġieled lir-ribelli Maoisti, iżda għal oħrajn kien biss dittatur korrott.
Fl-2007 Fujimora kien ingħata 6 snin ħabs minħabba tixħim u abbuż tal-poter li kellu, iżda sentejn wara qala’ 25 sena oħra minħabba li nstab ħati li awtorizza timijiet imlaqqma tal-mewt sabiex joqtlu persuni speċifiċi.