Eksavukat jgħid li mill-ħabs ma jistax jipprepara sewwa għad-difiża

Eksavukat li ma kienx ingħata l-ħelsien mill-arrest u qed jinżamm fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qed jitlob il-libertà proviżorja biex ikun jista’ jdur sewwa d-dokumenti u jipprepara mal-avukat tiegħu għad-difiża.
L-akkużat kien tressaq il-Qorti akkużat b’miżaproprijazzjoni ta’ flus, frodi u ffalsifikar ta’ dokumenti.
Fil-Qorti, l-akkużat qal li ma jistax jipprepara sewwa mal-avukat tiegħu għax fil-ħabs ma hemmx ambjent addattat biex ikun jista’ jdur sewwa 300 kaxxa ta’ “dokumenti kruċjali.”
L-eksavukat, spjega li minn meta beda jbati minn kundizzjoni li minħabba fiha ma setax ikomplu xogħlu, id-dokumenti kollha li kellu ġew merfugħa sistematikament ġo fajls.
Huwa qal li fl-uffiċini tiegħu fi Gwardamanġa hemm kważi 400 kaxxa u meta l-uffiċini kienu ġew issekwestrati mill-HSBC lura fl-2015, kienu ttieħdu 98 kaxxa iżda l-bqija baqgħu l-uffiċini taħt mandat ta’ sekwestru.
Il-Qorti, kienet tat permess lill-akkużat biex jaċċessa l-fajls biex ikun jista’ jieħu kopji u anke xi noti li jistgħu jgħinu lilu u lill-avukat tiegħu. Jidher li ma tantx irnexxielu, kemm minħabba l-istat li spiċċaw fih l-uffiċini u anke minħabba l-kundizzjoni ta’ saħħtu.
Huwa kien ingħata permezz juża l-lock-up tal-Qorti iżda wara ħames darbiet li mar irnexxielu jara biss 28 kaxxa u ħa 17-il karta noti. Iżda aktar kmieni dan ix-xahar, dan il-permess reġa’ tteħidlu.
L-akkużat qal li ġaladarba ma jistax jieħu dokumenti l-ħabs, huwa impossibbli għalih li jkun jista’ jinforma sewwa lill-avukat tiegħu.
Il-prosekuzzjoni ma qabiltx ma’ din it-talba u staqsiet x’jagħmlu akkużati oħra li jinsabu l-ħabs u li wkoll ikunu jridu jippreparaw għad-difiża tagħhom.

Ritratt: Ian Noel Pace