Eks teżorier tal-Vatikan jintbagħat 6 snin ħabs għal abbuż sesswali

Reuters

Il-Kardinal George Pell, eks teżorier tal-Vatikan, ingħata s-sentenza ta’ 6 snin ħabs minn qorti Awstraljana, talli abbuża 2 subien li kienu fil-kor tal-knisja f’Melbourne fid-disgħinijiet. Huwa se jkun imniżżel fir-reġistru ta’ persuni li wettqu reati sesswali għall-bqija ta’ ħajtu.

Pell, li kien konsulent ewlieni tal-Papa Franġisku, huwa l-ogħla Kattoliku li nstab ħati ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal. Hu nstab ħati fuq ħames akkużi ta’ abbuż sesswali fuq 2 itfal.

Il-Prim Imħallef ta’ Victoria, Peter Kidd, qal li hemm il-possibbiltà li Pell, li għandu 77 sena, iqatta’ l-kumplament ta’ ħajtu fil-ħabs. L-Imħallef qallu li r-reati tiegħu kienu aggravati billi hu wera ċerta arroganza.

Pell, li allegatament ma wera l-ebda emozzjoni waqt is-smigħ, baqa’ jgħid li hu innoċenti, u qed jappella s-sentenza li ngħatatlu. L-appell għandu jinstema’ fil-qorti f’Ġunju.

Dawn ir-reati ġraw fis-snin 1996 u 1997 wara l-quddies tal-Ħadd fil-Katidral ta’ San Patrizju f’Melbourne, fejn Pell kien arċisqof. Il-vittmi dak iż-żmien kellhom 13-il sena. Wieħed minnhom miet fl-2014, filwaqt li l-ieħor, li xehed fil-każ, ħareġ stqarrija wara li nqatgħet is-sentenza, u qal li sabha diffiċli jsib sabar mill-verdett.