Eks supretendent tal-pulizija lliberat minn kull akkuża ta’ tixħim

L-eks supretendent tal-pulizija Patrick Spiteri ma nstabx ħati ta’ tixħim. Huwa kien qiegħed jiġi akkużat aċċetta flus minn numru ta’ persuni li jorganizzaw lottu klandestin.

Patrick Spiteri ta’ 63 sena kien qed jiġi akkużat li rċieva madwar €200 fix-xahar minn l-organizzaturi tal-logħob tal-lottu illegali għall-perjodu ta’ sitt snin bejn is-sena 2000 u 2006.

Tmien snin ilu Spiteri ngħata raġun mill-qorti li kienu nkisrulu d-drittijiet fundamentali tal-bniedem wara li ma kellux avukat miegħu waqt l-interrogazzjoni.

Il-Maġistrat Monica Vella qalet li ma kienx hemm evidenza li turi li Spiteri ħa l-flus u x-xhud prinċipali f’dan il-każ ma kienx kredibbli. L-istess xhud kien interrogat mill-pulizija u implikat f’dan il-każ għalhekk il-qorti qalet li x-xhieda tiegħu hija inammissibbli.

Spiteri kien irreżenja mill-Korp tal-Pulizija fl-2006 wara li kien arrestat. Huwa kien ilu 27 sena fis-servizz.

Fid-deċiżjoni tagħha l-Maġistrat qalet li matul din il-kawża fl-ebda ħin ma ħareġ li Spiteri talab il-flus lil dawn il-grupp ta’ persuni, madankollu ħareġ li Gejtu Zerafa kien ilu jitlob il-flus lill-organizzaturi u ssemma l-isem tal-akkużat. Kompliet li l-flus kienu qegħdin jgħaddu minn terza persuna u l-organizzaturi ma kinux jafu jekk il-flus hux imorru għand Spiteri. Fix-xhieda tiegħu Zerafa kien qal li huwa kien jieħu l-flus mingħand dan il-grupp ta’ persuni u jgħaddihom lill Spiteri madankollu l-Maġistrat ddikjarat din ix-xhieda inammissibbli.