​Eks-strateġist ta’ Trump intervistat b’rabta mal-allegat indħil Russu fl-elezzjoni tal-Istati Uniti

Wieħed mill-eks-strateġisti ewlenin tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump, Steve Bannon, ġie intervistat bħala parti mill-investigazzjoni li qed issir dwar l-allegat indħil Russu fl-elezzjoni tal-2016 fl-Istati Uniti.
Skont il-midja internazzjonali Bannon ltaqa’ ma’ Robert Mueller li qed imexxi l-inkjesta. L-investigaturi jemmnu li Bannon kapaċi jkollu informazzjoni kruċjali dwar l-amministrazzjoni ta’ Donald Trump, inkluż dettalji dwar it-tkeċċija tal-eks-direttur tal-FBI James Comey. Qed jiġi rrappurtat li l-investigaturi damu madwar 20 siegħa jitkellmu ma’ Bannon u li hu wieġeb kull mistoqsija.
Bannon kien iċ-ċerpersin tal-kampanja presidenzjali ta’ Trump u mbagħad sar uffiċjal għoli fil-White House. Huwa rriżenja f’Awissu, allegatament minħabba tensjoni li kien hemm bejnu u bejn uffiċjali oħra.