Ħames applikazzjonijiet għall-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija

Aġġornat 08:25 AM
Joseph Giordimaina

Read in English.

L-eks Spettur tal-Pulizija Mary Muscat, l-investigatur fis-Sezzjoni tal-Immigrazzjoni Frankie Sammut, u l-eks President tal-Police Officers Union Sandro Camilleri ħabbru li applikaw għall-kariga ta’ Kummissarju għall-Pulizija. Applikaw wkoll l-avukat Herman Mula u l-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo.

Newsbook.com.mt qed jirrapporta dwar dawk il-persuni li dwarhom irnexxielu jikkonferma li tefgħu l-applikazzjoni.

Muscat u Sammut it-tnejn kitbu dan fuq Facebook dalgħodu, fl-aħħar ġurnata li hija miftuħa s-sejħa għall-applikazzjonijiet għal din il-kariga. Aktar tard kiteb ukoll Camilleri.

Muscat kitbet li kienet deċiżjoni diffiċli għall-karriera tagħha, imma jew ikun hemm bidla għall-professjonalità fil-qasam tal-pulizija, jew tkomplija ta’ dak li diġà hemm. Qalet li għażlet li tapplika biex ikun hemm bidla.

Meta ġiet ikkuntattjata minn Newsbook.com.mt ilbieraħ dwar din il-kariga, Dr Muscat qalet li kienet qed tikkunsidra li tapplika, imma li l-paga tal-kariga mhijiex waħda attraenti, meta kkumparata mal-paga li jitħallas il-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta, pereżempju.

Żiedet tgħid li hemm diversi riskji marbutin max-xogħol, fosthom theddid u riskji għall-ħajja personali tal-persuna li tkun fil-kariga. Muscat, li hija single mother, qalet li bintha għandha diżabbiltà u b’hekk, ikollha ħafna spejjeż.

Dr Mary Muscat illum hija avukatessa li taħdem fil-qasam tal-liġi ċivili u fil-Qorti tal-Familja, wara li qattgħet 13-il sena taħdem bħala Spettur tal-Pulizija. Hija tagħti l-lekċers fl-Università u anke fl-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati. Qiegħda taħdem fuq id-dottorat tagħha fi ħdan il-Fakultà tat-Teoloġija.

Frankie Sammut huwa l-investigatur ewlieni fis-Sezzjoni tal-Immigrazzjoni fi ħdan il-Korp tal-Pulizija. Huwa jokkupa l-kariga ta’ Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi fl-Assoċjazzjoni tal-Pulizija f’Malta wkoll (MPA).

Huwa kiteb illi jiġri x’jiġri, jirringrazzja lil kull min appoġġja d-deċiżjoni tiegħu, speċjalment lil martu.

Umilment inhabbar illi ssottomettejt l- applikazzjoni tieghi ghal kariga ta Kummissarju tal-Pulizija. Jigri x jigri nirringrazzja lil dawk kollha li tawni l-appogg taghhom. Specjalment lil marti.

Posted by Frankie Sammut on Monday, May 11, 2020

Japplika Sandro Camilleri

Applika wkoll l-eks President tal-Police Officers Union Sandro Camilleri.

Insellem lil dawk il-persuni kollha Maltin u Ghawdxin li kuljum jibghatuli messaggi u jcempluli fosthom ammont ta'…

Posted by Sandro Camilleri on Monday, May 11, 2020

Tapplika Alexandra Mamo

It-Tnejn filgħaxija l-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo qalet lil Newsbook.com.mt li applikat biex issir il-Kummissarju l-ġdid.

Pulizija

Min aktar applika għall-kariga?

Skont ma ġie rrappurtat fuq The Sunday Times of Malta, dawk li jaf jieħdu interess li jkunu s-suċċessuri tal-eks Kummissarju Lawrence Cutajar huma Angelo Gafà, Herman Mula, Alexandra Mamo, Sandro Camilleri, Robert Vella, Frankie Sammut, Noel Cutajar, Antoine Casha u Raymond Zammit.

Newsbook.com.mt staqsa lil uħud minn dawn jekk applikawx għall-kariga, iżda mhux kollha wieġbu.

L-Avukat Dr Herman Mula stqarr li hu daħħal l-applikazzjoni tiegħu nhar is-Sibt li għadda. Huwa preżentament qed jirrappreżenta lill-uffiċjali tal-AFM li qegħdin jiġu investigati b’rabta ma’ allegat sabutaġġ ta’ dgħajsa tal-immigranti.

L-Ispettur Robert Vella, li huwa s-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tal-Pulizija f’Malta (MPA) qal lil Newsbook.com.mt li qed jikkunsidra li jdaħħal l-applikazzjoni tiegħu. Ilbieraħ stqarr li mhix deċiżjoni faċli imma li kellu jum ieħor biex jixtarr dwarha.

Newsbook.com.mt ma rnexxilux jikkuntattja lill-kandidati potenzjali l-oħra sabiex jikkonferma jekk humiex interessati jew jekk applikawx diġà.

La jagħlqu l-applikazzjonijiet illum, il-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku se ddur l-applikazzjonijiet u tagħżel tnejn minnhom. Il-Prim Ministru mbagħad iressaq il-preferenza tiegħu l-Parlament, fejn il-kandidat jiġi interrogat mill-Membri Parlamentari u jittieħed vot finali.

L-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, li kien fil-kariga għal tliet snin u nofs, affaċċja kritika qawwija dwar in-nuqqas tal-Korp li jinvestiga lil nies f’karigi għoljin fil-Gvern jew li jinvestiga rapporti ta’ reati kriminali finanzjarji li ġew sottomessi mill-FIAU. Huwa rreżenja wara li laħaq Prim Ministru Robert Abela. Abela kien ħabbar sistema ġdida għall-għażla ta’ Kummissarju tal-Pulizija.

Mir-riżenja ta’ Cutajar sal-lum, kien qed jokkupa l-kariga ta’ Aġent Kummissarju Carmelo Magri.

Rappurtaġġ addizzjonali: Christoph Schwaiger