Eks-Sindku ta’ Tas-Sliema jinħeles mill-akkużi ta’ tixħim

L-eks-Sindku ta’ Tas-Sliema Nicholas Dimech inħeles mill-akkużi li kien hedded uffiċjal pubbliku u tixħim, wara li l-każ tiegħu instema’ mill-ġdid.

Il-Qorti tal-Appell kienet ordnat li l-każ jerġa’ jinstema’ mill-ġdid wara li l-Qorti tal-Maġistrati bgħatet lill-eks-Sindku l-ħabs għal sena.

Dimech kien ġie akkużat li talab somma flus lill-eks-maniġer tal-kuntratti tal-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema, Stephen Buhagiar li kien qal li Dimech kien talbu flus sabiex itih kuntratt għas-servizzi mal-kunsill.

Il-kuntratt kien fuq perjodu ta’ sitt xhur prova minn Settembru tal-2009 bil-kundizzjoni li jitwaqqaf il-kuntratt jekk is-servizzi ta’ Buhagiar ma jkunux sodisfaċenti. Kif fl-aħħar mill-aħħar spiċċa ġara meta l-kuntratt twaqqaf f’Marzu tal-2010 bi tmien voti kontrih u wieħed biss favur.

Kien hawnhekk li Buhagiar għamel rapport lill-Pulizija u qal li r-raġuni għalfejn il-kuntratt twaqqaf kienet għax ma ħallasx is-somma li talbu l-eks-Sindku.

Il-Maġistrat Joseph Mifsud qal li meta kien ġie assenjat il-każ, iż-żewġ naħat kienu talbu sabiex ma jsirx smigħ mill-ġdid tax-xhieda.

Minħabba li Buhagiar kien għamel ir-rapport wara li l-kuntratt tiegħu kien ġie terminat, u wara li ġiet evalwata mill-ġdid l-evidenza, il-Qorti ddeċidiet li l-eks-Sindku kien ta t-tender lill-kumpanija li ppreżentat l-aktar għażla ekonomika għall-kunsill.