Eks-Sindku Laburista se jikxef informazzjoni mistura

Charles Azzopardi, li kien Sindku Laburista tal-Kunsill Lokali tar-Rabat qal li fil-jiem li ġejjin se jikxef informazzjoni li ilu jżomm mistura. Hu kien qed jirreaġixxi għax-xhieda ta’ Melvin Theuma fil-Qorti, fejn implika lil Sandro Craus, is-Sindku preżenti tar-Rabat, fl-investigazzjoni tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Craus huwa wkoll il-Kap tat-Taqsima tal-Customer Care tal-Gvern.

Azzopardi għadu ddiżappuntat għal mod li wassal biex Sandro Craus ħadlu postu fil-Kunsill.

Skont ix-xhieda ta’ Theuma l-Erbgħa filgħodu, kien Craus li laqqa’ lil Theuma ma’ Keith Schembri. Melvin Theuma, qed jitqies bħala s-sensar fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Keith Schembri, l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien arrestat u interrogat dwar l-istess każ u nħeles wara jumejn.

Fil-Qorti Melvin Theuma qal li Yorgen Fenech, li qed jiġi akkużat b’kompliċità fl-assassinju, kien infurmah li se jċempillu Sandro Craus minn Kastilja. Stqarr li Craus kien ċempillu biex jinfurmah dwar laqgħa ma’ Keith Schembri. Meta mar Kastilja, Craus qallu li kien se jingħata xogħol mal-Ministeru li jinsab quddiem it-Teatru Rjal.

Fuq Facebook, Charles Azzopardi qal li “Kastilja vera kienet miftuħa għal kulħadd”. Saħaq li għalhekk Joseph Muscat ħass li Craus kien jixraqlu jikkontesta waħdu, biex jidħol l-ewwel fit-tellieqa. Irrefera għal kliem il-Prim Ministru meta mar is-Saqqajja u qal li r-Rabat hemm nuqqas ta’ ndafa. Qal li “llum jien naqbel miegħu. Hemm il-ħmieġ!! Hemm informazzjoni oħra li għadha mistura u li żammejtha għal ħafna xhur”. Sostna li se jiżvela kollox fil-jiem li ġejjin għax “irridu naraw li ssir ġustizzja f’kollox”.