​Eks-Pulizija “b’offiża kriminali [mhux] serja” jistgħu jiġu ri-ngaġġati mill-Korp

Eks-Pulizija li nstabu ħatja kriminalment għall-offiża mhux “offiża kriminali serja” jistgħu jerġgħu jiġu ingaġġati mill-Korp.
Dan joħroġ minn tweġiba tal-Ministru għall-Intern Michael Farrugia waqt dibattitu li segwa tweġiba tal-istess Ministru għall-Mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.
Il-Ministru Farrugia qal li eks-pulizija, sakemm ma jkollhomx “offiża kriminali serja” jistgħu jerġgħu jiġu riingaġġati jew jingħataw promozzjoni fil-Korp.
Huwa indika li offiża titqies bħala serja skont il-valur u n-natura tas-sentenza tal-Qorti. Qal li f’każ ta’ ħabs is-sentenza titqies bħala serja.
Dr Azzopardi staqsa jekk hux l-amministrattiv jew il-qorti li jiddeċiedi jekk każ hux amministrattiv. Dr Farrugia sostna li “kull każ meqjus skont il-mertu tiegħu”.
Id-Deputati Nazzjonalisti Mario Demarco u Beppe Fenech Adami staqsew x’messaġġ qed jintbagħat lis-soċjetà Maltija meta uffiċjal tal-Pulizija li nstab ħati kriminalment dwar offiż fil-konfront ta’ kollega mjux biss jiġi ri-ingaġġat, iżda jingħata promozzjoni b’mod li sar superjur tal-vittma tiegħu. Il-Ministru Farrugia wieġeb li l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku ma oġġezzjonat għall-kriterji użati. Qal li ladarba l-ebda ministru ma’ għandu jindaħal fid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li hija awtonoma.