Eks plejer tal-futbol mal-istudenti f’Santa Venera

L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu organizzat Xalata ta’ Kitba bil-Malti u bl-Inġliz, kif ukoll laqgħa ma Saviour Darmanin, għal tfal bejn is-7 u l-11-il sena u l-familja tagħhom fil-grawnd tal-futbol f’Santa Venera.

Il-familji ltaqgħu ma’ Saviour Darmanin li huwa eks goalkeeper ta’ Birkirkara, Pietà, Valletta u tat-tim nazzjonali. Huwa tkellem dwar kif hi l-ħajja ta’ plejer tal-futbol u dwar l-esperjenza tiegħu. Darmanin kien ta’ ispirazzjoni għall-kitba tat-tfal, li kienu se jiktbu eżatti wara din il-laqgħa.

Wara din l-okkażjoni, il-familji għamlu attivitajiet ta’ qari u kitba relatati mal-ħajja sportiva. Fost l-attivitajiet, huma kitbu dwar profil ta’ xi plejer li xtaqu u qraw dak li kitbu quddiem il-bqija tal-parteċipanti.

Dawn ix-Xalati ta’ Kitba huma organizzati darba fix-xahar mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, f’siti differenti f’Malta u f’Għawdex. Matul dawn l-attivitajiet, il-familji jesperjenzaw il-proċess tal-kitba kif ukoll iqattgħu ħin ta’ kwalità ma’ wliedhom f’atmosfera rilassanti u divertenti.