Eks MEP Laburista titlef libell kontra David Casa

Read in English.

L-eks MEP tal-Partit Laburista Marlene Mizzi tilfet il-libell li kienet fetħet fil-konfront tal-MEP tal-Partit Nazzjonalista David Casa.

Il-każ kien infetaħ wara kummenti li ta Casa lil Malta Today u li ġew ippubblikati f’artiklu bit-titlu “Casa’s former aide says EP salaries were inflated”. Mizzi kienet qalet li l-kummenti li ta Casa dwarha, fl-artiklu ppubblikat fit-28 ta’ Ottubru tal-2018, kienu malafamanti. Casa kien qal li Mizzi kienet qed tikri l-uffiċċju tagħha mingħand bintha mingħajr ħlas u implika li kienet qed iżżomm il-flus li suppost tħallas uffiċċju bihom hi stess.

Waqt il-proċeduri fil-Qorti, kien ħareġ li Casa ħass li l-kummenti li kien ta hu lill-ġurnal ma ġewx irrappurtati eżatt kif kien qalhom. Il-Qorti innutat li fit-tweġiba tiegħu, Casa ma semmhiex lil Mizzi b’isimha. Ġie nnutat ukoll li l-applikazzjoni ma kinitx qed tipproċedi b’libell fil-konfront tal-editur jew il-ġurnalist li kiteb l-artiklu. Dan minkejja li Casa kien sostna li l-kliem li ġie kkwotat jgħid kien skorrett. Il-Qorti sabet ukoll li fl-applikazzjoni tagħha, Mizzi qalet li l-kummenti li kien għadda Casa kien għaddihom fil-pubbliku. Madanakollu ħareġ li mill-evidenza ppreżentata fil-Qorti, Casa kien bagħat kumment lill-ġurnal sabiex jirribatti allegazzjonijiet li saru fil-konfront tiegħu. Il-Qorti sabet li l-ġurnal ippubblika biss partijiet mid-dikjarazzjoni tiegħu.

Il-Qorti sabet li mhux vera li Casa semma lil Marlene Mizzi b’mod speċifiku. Il-Qorti qalet li fid-dikjarazzjoni tiegħu, Casa kien qal il-kliem “kollegi tiegħi Laburisti…b’persuna minnhom li mingħajr mistħija iddikjarat…”.

Dalgħodu ġejt infurmat bid-deċiżjoni tal-Qorti li ddeċidiet favurija f’kawża ta’ libell. Jien nilqa’ din id-deċiżjoni,…

Posted by David Casa on Wednesday, January 29, 2020

Il-Qorti sabet li Casa kellu raġun meta qal li Mizzi kienet speċifikament issemmiet f’artiklu separat ippubblikat mit-Times of Malta fil-31 ta’ Mejju tal-2017 fuq l-istess tema. Hawn hi kienet ġiet irrappurtata tgħid li kienet qed tagħmel użu mill-uffiċċju ta’ bintha mingħajr ma tħallas kera.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello osservat li l-fatt li Mizzi kienet qed tagħmel użu ta’ uffiċċju mingħajr ħlas juri biċ-ċar li Mizzi kellha spiża inqas, illi li kieku kellha tikri uffiċċju, kien ikollha toħroġ il-flus għal dan mill-general expense allowance.

Il-Qorti qalet li l-eks-MEP kienet persuna pubblika u l-kumment ta’ Casa ma kien xejn għajr kritika lejn persuna pubblika. Qalet li Casa kien qed jitkellem f’kuntest ta’ dibattitu politiku dwar it-trasparenza fl-użu tal-fondi pubbliċi.

B’hekk il-Qorti ma sabitx lil Casa ħati ta’ libell.

L-avukat Jason Azzopardi rrappreżenta lil David Casa, filwaqt li l-avukati Edward Gatt u Mark Vassallo dehru għal Marlene Mizzi.