Eks-membri tal-Happy Paws ikkritikati li abbużaw mis-sistema ġudizzjarja

Erba’ persuni li kienu membri tal-kumitat tas-soċjetà tal-ħarsien tal-annimali Happy Paws, ġew ikkritikati mill-Maġistrat, li ppruvaw jabbużaw is-sistema ġudizzjarja sabiex jagħmlu ħsara lill-President tal-organizzazzjoni.
L-erba’ eks-membri lmentaw dwar artiklu li deher f’Ġunju tal-2009 fuq il-websajt tal-Happy Paws. Qalu li l-kummenti kienu defamatorji. Fl-artiklu ntqal li dawn il-persuni kienu bidlu l-kuntratti fuq kirja għal żewġ ħwienet tal-karità li kienu jitmexxew mill-Happy Paws, li wassal biex l-ebda ammont ta’ flus ma kien se jmur għand l-għaqda. Dan seħħ wara li l-erba’ eks-membri rreżinjaw mis-soċjetà.
Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat ma approvax it-talba għal-libell għax qal li fl-artiklu kienet qed tingħad il-verità.
Il-Maġistrat staqsa wkoll dwar l-involviment tal-erba’ eks-membri tal-organizzazzjoni hekk kif kollox kien jindika li daħlu fl-għaqda għal gwadan personali tagħhom.