Eks kuntistabbli jammetti li seraq dashboard f’Għawdex

pexels.com / Johannes Rapprich

Eks kuntistabbli tal-Pulizija ammetta li seraq dashboard minn karozza u ngħata probation ta’ 3 snin filwaqt li ġie ordnat mill-Qorti jagħmel 200 siegħa ta’ xogħol fil-komunità.

Joseph Farrugia ta’ 50 sena minn Għawdex li kien ilu 30 sena Pulizija ġie akkużat b’serq aggravat. Il-każ seħħ fil-31 ta’ Ottubru 2018 għall-ħabta ta’ 10.30pm fiż-żona industrijali tax-Xewkija. Dakinhar Farrugia seraq dashboard minn vettura li kienet ipparkjata.

F’Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, l-akkużat ammetta ta’ għall-akkużi ta’ serq aggravat u li kkommetta reat li kellu d-dmir jipprevjeni.

Bl-ammissjoni tiegħu, il-Maġistrat Mifsud iddikkjarah ħati. Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Maġistrat sostna li l-Qorti tweġġa’ meta membri tal-forzi tal-ordni ma jagħtux eżempji tajba  bl-imġieba tagħhom. Huwa sostna li kull membru tal-forzi tal-ordni għandu jkun eżempju tajjeb għas-soċjetà.

Il-Maġistrat Mifsud sostna li minkejja t-tentazzjoni tal-Qorti biex tagħmel eżempju mir-raġel u tagħtih sentenza ta’ priġunerija, huwa mhux se jkun qed jagħmel dan għax il-Qorti temmen f’ġustizzja reparatorja. Għaldaqstant il-Maġistrat Mifsud iddeċida li r-raġel għandu jingħata probation ta’ tliet snin u 200 siegħa ta’ xogħol fil-komunità mal-Fondazzjoni Arka f’Għajnsielem.