Eks kelliema tal-Gvern jgħidu li qatt ma marru korsijiet tal-PAI

Il-Kapijiet tal-Kommunikazzjoni u l-kelliema tal-Gvernijiet preċedenti ċaħdu li mill-2001 sa Marzu ta’ din is-sena, siefru l-Ingilterra biex jattendu għal seminar ta' taħriġ mal-Public Administration International.

Meta kkuntattjati minn Newsbook.com.mt, l-eks kapijiet ta’ komunikazzjoni taħt Gvern Nazzjonalista bejn l-1999 u l-2013, ikkonfermaw li huma la qatt marru dawn is-seminars u lanqas bagħtu l-kelliema kollha tal-Ministeri.

Dan wara li l-Kap ta’ Komunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia, f’sezzjoni oħra tal-midja, qal li l-kelliema tal-Ministeri bħalissa jinsabu f’Londra għal kors organizzat mill-Public Administration International offrut lill-ħaddiema li jaħdmu fis-settur pubbliku barra mill-Ingilterra.

Fil-kumment tiegħu, Farrugia qal li mill-2001 sal-2013 kienu diversi uffiċjali tal-Gvern Malti li attendew għall-korsijiet tal-PAI. 

Kelliema tal-Public Administration International ikkonfermat bit-telefown ma’ Newsbook.com.mt, li fil-preżent l-uffiċjali tal-Gvern Malti qed jattendu dan il-kors.

Hija sostniet li dawn il-korsijiet huma immirati għal uffiċjali pubbliċi fejn ikun hemm ukoll sessjonijiet interattivi ma’ uffiċjali oħra governattivi minn pajjiżi oħra.

Il-Kelliema tal-PAI sostniet li din mhix l-ewwel darba li uffiċċjali tal-Gvern Malti attendew għal dawn il-korsijiet.

Madanakollu ma semmietx min huma l-uffiċjali tal-gvern li marru għall-korsijiet bejn l-2001 u l-2013 u lanqas jekk kinux il-kelliema tal-Ministeri u s-Segretarjati.