Eks-Imħallfin se jmexxu l-proċess għall-ħatra ta’ Avukat Ġenerali

Read in English.

Il-Gvern ħabbar il-kompożizzjoni ta’ Kummissjoni għall-Ħatra ta’ Avukar Ġenerali ġdid hekk kif Dr Peter Grech mistenni li jirriżenja fid-9 ta’ Settembru li ġej.

Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Ġustizzja, il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li l-Kummissjoni se tkun immexxija mill-Imħallef Emeritus Michael Mallia skont il-providementi tal-liġi, bl-Imħallfin Emeriti Lawrence Quintano u Antonio Mizzi bħala membri.

Permezz tal-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Ġustizzja, il-Kummissjoni ta’ Ħatra fi żmien qasir se tippubblika fil-Gazzetta tal-Gvern sejħa għall-post vakanti.

Din se tkun l-ewwel darba li Avukat Ġenerali se jintgħażel b’dan il-mod b’riforma li twettqet fl-2019. Dan meta l-Gvern issepara l-poteri tal-uffiċini tal-Avukat tal-Istat u tal-Avukat Ġenerali. Dan il-Gvern kompla jsaħħaħ l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ewlieni f’pajjiżna, u se jibqa’ jwettaq dan fix-xhur li ġejjin.

Il-Ministru Edward Zammit Lewis irringrazzja lill-Avukat Ġenerali uxxenti Dr Peter Grech għas-servizz li ta lil Malta tul l-għaxar snin li għamel f’din il-kariga.

Illum il-Gvern ippubblika l-ittra tar-riżenja ta’ Dr Peter Grech.