Eks-ħaddiema tas-Sea Malta b’donazzjoni ġeneruża lil Dar il-Kaptan

L-eks-ħaddiema tas-Sea Malta taw donazzjoni ġeneruża lil Dar il-Kaptan, fondazzjoni li tieħu ħsieb tgħin lil persuni b’diżabbiltà, kif ukoll tassisti lill-familjari tagħhom.
L-għotja ppreżentata l-eks-Ċermen tas-Sea Malta, l-Ewroparlamentari Marlene Mizzi.
Il-flus li ngħataw inġabru mill-ħaddiema minn dawk is-salarji li kellhom jingħatawlhom meta l-kumpanija falliet. L-eks-ħaddiema tas-Sea Malta damu mal-10 snin bil-Qorti jistennew li jitħallsu ta’ xogħolhom.
Mizzi qalet li tħossha kburija li żammet kuntatt ma’ dawn il-persuni, u aktar għaliex wara daż-żmien kollu ddeċidew li jagħtu parti minn sehemhom lil min hu fil-bżonn. Huma ħallew l-għażla tal-organizzazzjoni f’idejha.
L-Amministratur tad-dar, Joseph Gerada, irringrazzja lil dawn il-ħaddiema u wiegħed li din l-għotja se tintuża sabiex tisseddaq il-ħidma favur dawn il-persuni, sabiex jintegraw fil-familji u ma jkunux istituzzjonalizzati. Dan isir billi jiġi pprovdut post ta’ mistrieħ adegwat.