Eks editur jispjega kif il-PN jista’ jirbaħ elezzjoni

L-eks editur ta’ The Sunday Times of Malta Lawrence Grech qal li jekk il-Partit Nazzjonalista jrid jirbaħ elezzjoni m’għandux jimmira li jkun kopja tal-PL imma biex ikun aħjar.

Grech qal dan waqt il-programm Newsline fuq RTK 103FM. It-tema tal-programm kienet jekk hux veru li l-PN qiegħed jinnamra wisq mal-Gvern.

Grech qal li Membri Parlamentari għandom jibbażaw il-kritika tagħhom fuq ir-realtà. “Jekk xi ħaġa tkun tajba, il-partiti politiċi ma jistgħux jgħidu li hija ħażina” qal Grech. Żied jgħid li hija nuqqas ta’ maturità meta l-partiti ma jammettux li xi ħaġa tkun tajba.

Grech qal li t-tmexxija tal-PN għadha ma stabbilietx ruħha. Grech kien qed jirreferi għall-kwistjoni interna fil-PN wara li l-Kap tal-partit Adrian Delia ried jissospendi lill-eks Kap  Simon Busuttil. Dan wara konferenza tal-aħbarijiet li sejjaħ il-Prim Ministru f’Kastilja, fejn talab għar-reżenja ta’ Simon Busuttil wara li ġew ippubblikati l-konklużjonijiet tar-rapport dwar l-inkjesta fil-kumpanija Egrant.

Skont Grech, f’ċertu sens l-irwoli tradizzjonali taż-żewġ partiti l-kbar qed jinqalbu. Qal li fejn qabel il-Partit Laburista kien jitkellem aktar favur iż-żgħir, dik l-għajta issa qed tintuża mill-Partit Nazzjonalisa. Qal li issa l-PL qed jitkellem favur in-negozjanti.

F-istess programm, il-Kap tal-Partit Demokratiku Anthony Buttigieg qal li f’Malta hemm problema bis-sistema edukattiva. Qal li f’pajjiżi bħall-Ingilterra, wieħed jitgħallem kif jistaqsi u jkun kritiku. Spjega li f’Malta s-sistema hija bbażata fuq li wieħed jitgħallem, jiftakar, u jaċċetta dak li l-għalliema jgħidu.

Buttigieg qal li l-partiti l-kbar ma jikkritikawx kwistjoni jekk xi membri minn tiegħu jkollhom ċertu interessi fil-kwistjoni jew proġett. Qal li “l-interessi tal-partiti jiġu qabel l-interessi tal-pajjiż sfortunatament”. Dwar id-diżgwid li jkun hemm ġol-partiti, Buttigieg qal li din hija ħaġa pożittiva.

Minkejja li l-ligi li tirregola l-istandards fil-ħajja pubblika kienet approvata sbatax-il xahar ilu, l-avviż legali meħtieg biex din il-liġi tidħol fis-seħħ għadu ma kienx ippubblikat u lanqas ma nħatar il-Kummissarju għall-istandards fil-ħajja pubblika.