Eks bankier Ġermaniż jammetti ħasil ta’ flus; involuta kumpanija Maltija

Eks membru tal-eżekuttiv tal-Bank Żvizzeru Julius Baer ammetta l-akkużi miġjuba kontrih fl-irwol li kellu fi skema multibiljunarja ta’ ħasil ta’ flus, li tinvolvi l-kumpanija taż-żejt tal-Istat tal-Veneżwela (PDVSA). Kumpanija Maltija qed tiġi investigata b’rabta ma’ dan il-każ.

Skont id-Dipartiment tal-Ġustizzja, Matthias Krull, Ġermaniż ta’ 44 sena li kien il-viċi ċermen tal-Bank fil-Panama ammetta għal waħda mill-akkużi miġjuba kontrih li ppjana reat ta’ ħasil ta’ flus.

Il-kumpanija Maltija investigata b’rabta mal-irwol tagħha fl-allegat ħasil ta’ flus, hi Portmann Capital Management u bbażata f’Tas-Sliema.

Malta f’ “Operation Money Flight”

Il-kumpanija Portmann Capital Management qed tiġi investigata għall-allegat rwol li kellha f’din l-iskema ta’ ħasil ta’ flus mill-PDVSA.

Fit-22 t’Awwissu l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) ħarġet direttiva biex twaqqaf il-kumpanija milli tieħu klijienti ġodda filwaqt li waqfet kull tranżazzjoni mill-kontijiet tal-klijenti tagħha.

L-MFSA immultat il-kumpanija talli providiet servizzi ta’ pagamenti mingħajr ma kellha l-liċenzja neċessarja.