Eks bankier akkużat li seraq data kunfidenzjali

Luke Zerafa

Eks impjegat ta’ bank lokali li kien qed jiġi nvestigat mill-Pulizija ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li qal li mhux ħati li għamel użu ħażin mid-data kunfidenzjali tal-bank.

Ir-raġel ta’ 36 sena li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti kien arrestat u mixli li għamel użu rregolari tal-kompjuter u li kiser is-segretezza bankarja.

L-Ispettur Shaun Friggieri li qed imexxi l-prosekuzzjoni qal lill-Qorti kif ir-raġel kien ħa data kunfidenzjali tal-bank fejn kien jaħdem qabel u prova jgħaddiha lill-kompetitur tal-bank.

L-akkużat qal li mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

L-avukat difensur Roberto Montalto qal li r-raġel kien fuq bail għal xi żmien qabel ma tressaq u kien obda l-kundizzjonijiet kolha, żied li r-raġel kien ikkopera b’sħiħ mal-Pulizija. L-avukat sostna li r-raġel ma kellhux problema biex jobdi.

Saret talba biex l-ismijiet tal-akkużat u tal-parti civili ma jixxandrux minħabba li hemm ċans ta’ investigazzjonijiet oħra għar-reati iktar serji.

Il-Qorti ordnat il-ħelsien mill-arrest b’depożitu ta’ €4,000 u garanzija personali ta’ €5,000.