L-aktar bniedem imfittex għall-frodi fl-aħħar quddiem il-Qorti

Patrick Spiteri, li kien tneħħa minn avukat fuq diversi akkużi, ġie estradit mir-Renju Unit u mibgħut lura Malta, fejn mistenni jqatta’ l-ġimgħat li ġejjin taħt kustodja.
Spiteri qed jaffaċċja akkużi ta’ frodi, użu ħażin ta’ fondi u falsifikazzjoni ta’ dokumenti li jammontaw għal €7.4 miljun.
Huwa kien qed jgħix f’Surrey, fejn kien arrestat ilbieraħtlula minħabba li hemm kontrih seba’ mandati t’arrest.
Fil-Qorti Maltija lbieraħ, huwa deher quddiem il-Maġistrati Josette Demicoli u Consuelo Scerri Herrera akkużat bl-akkużi msemmija, iżda wieġeb mhux ħati għal kollha. Spiteri bħalissa għandu akkużi pendenti oħra quddiem żewġ maġistrati oħra.
Din kienet it-tielet darba li l-awtoritajiet Maltin ippruvaw iġibuh lura Malta. Hu mifhum li l-ewwel darba rnexxielu jaħrab mill-kustodja, u t-tieni darba wera dokumenti tal-mard u ma setax jiġi estradit lejn Malta. Did-darba l-Pulizija Maltija bagħtet tabib biex jakkumpanjah, li ċċertifika li Spiteri b’saħħtu biżżejjed biex jgħaddi ġuri.
L-avukat ta’ Spiteri appella sabiex jingħata ftit ħin sabiex jiffamiljarizza ruħu mat-tmien każijiet li qed jaffaċċja, hekk kif wieħed minnhom waħdu jesa’ 9 fajls ta’ informazzjoni.
Il-Maġistrat aċċettaw it-talba, iżda avżaw lil Spiteri sabiex ma jkomplix juża tattiċi biex idewwem il-każ.
Kien ilu żmien twil maħrub fir-Renju Unit, sa mill-2014, u għal xi żmien anke għex f’dar ta’ 15-il tomna li tiswa €4 miljun.