Ekonomisti fl-Istati Uniti jiskopru kemm jiswa flus it-talb

Ekonomisti li kienu qed iwettqu riċerka fl-Istati Uniti kkalkulaw kemm jiswa flus it-talb f’mumenti diffiċli.

Skont The Guardian, l-istudju sab li l-prezz ta’ ġest ta’ kompassjoni jiddependi ħafna fuq it-twemmin ta’ persuna. Instab li filwaqt li parteċipanti Kristjani kienu lesti li jħallsu flus biex jirċievu talb mingħand ħaddieħor, dan il-kunċett ma niżel tajjeb xejn ma dawk li ma jħaddnux twemmin. Mhux talli hekk, talli kienu lesti li jħallsu biex jevitaw it-talb.

L-awtur tal-istudju Linda Thunström li hija ekonomista fl-Università ta’ Wyoming qalet li kienet sorpriża kbira li l-ateisti kienu lesti li jħallsu l-flus biex jevitaw it-talb ta’ ħaddieħor.

L-istudju sar fuq 436 persuna li joqgħodu f’North Carolina fl-Istati Uniti. Instab li Kristjani fil-bżonn kienu lesti jħallsu madwar €6 għal talb mingħand qassis.