Eklissi rari wara 19-il sena

REUTERS/Willy Kurniawan

Read in English.

Ċirku ta’ dawl intlemaħ nhar il-Ħadd li għadda f’partijiet tal-emisfera fil-Lvant hekk kif il-qamar deher għaddej minn quddiem ix-xemx f’dik li kienet eklissi rari nhar l-itwal jum tas-sena.

L-eklissi deher fl-Asja tal-Lvant, fin-Nofsinhar tal-Asja, fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika. Ħafna mill-postijiet raw biss eklissi parzjali u ftit kienu dawk li raw “iċ-ċirku ta’ nar”.

B’differenza ta’ eklissi totali, il-qamar jifforma ċirku tan-nar għaliex ma jirnexxilux jgħatti kompletament ix-xemx, b’konsegwenza li jħalli ċirku rqiq ta’ nar meta jkun fl-eqqel fażi ta’ l-eklissi.

Eklissi bħal dan iseħħ meta l-qamar ikun l-iżjed ‘il bogħod fl-orbita ellittika tiegħu madwar id-dinja, b’riżultat li jidher iżgħar mis-soltu.

Mijiet ta’ nies inġemgħu f’spazju miftuħ ġewwa Chiayi fin-nofsinhar ta’ Taiwan, wieħed mill-postijiet fl-Asja fejn deher dan l-eklissi anulari.

“Għandi iżjed minn 50 sena u għalhekk kuntent ħafna li rnexxieli narahom dawn l-eklissi,” qal Zhuang Yuhui ta’ 56, li vvjaġġa lejn Chiayi mill-belt qrib ta’ Taichung.

“Inħosni kuntent immens.”

F’Taipei, gruppi ta’ nies inġemgħu sabiex jaraw l-eklissi b’nuċċalijiet skuri hekk kif is-sema bdiet tiskura.

“Għalija, dan huwa miraklu tal-astronomija,” qalet Elisa Chen ta’ 29 sena.

L-eklissi solari nhar is-solstizju tas-sajf huma rari ħafna. L-aħħar wieħed kien f’Ġunju tal-2001. 

Iżda eklissi b’“ċirku tan-nar” li jinzerta eżatt f’nofs is-sajf – kemm jekk ikun fl-emisfera tat-tramuntana jew tan-nofsinhar – huwa iżjed rari.

Skond kalkoli ta’ Reuters ibbażati fuq data ta’ NASA, f’dawn l-aħħar mitt sena ma kienx hemm wieħed.

L-eklissi li jmiss se jkunu fl-2039 u mbagħad fl-2392.