​”Ejjew neżaminaw is-sistema politika minn wara l-Indipendenza” – L-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna qed jistieden lis-soċjetà Maltija tagħmel eżami tal-kuxjenza fuq is-sistema politika li żviluppat mill-Indipendenza ’l hawn.
Huwa kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt fid-dawl ta’ kritika li saret fil-midja soċjali wara li Mons. Scicluna għamel retweet ta’ artiklu fil-websajt The Shift News.
L-Arċisqof qal li ta’ kull sena, fl-omelija għal Jum l-Indipendenza jistieden lill-Maltin jagħmlu l-eżami tal-kuxjenza tas-sistema politika tal-pajjiż.
Mill-Indipendenza ‘l hawn f’din is-sistema, qal l-Arċisqof, kibret kultura ta’ klijenteliżmu, jiġifieri li fil-ħajja jgħodd mhux x’taf imma lil min taf, u li l-interessi tal-partiti politiċi jiġu l-ewwel u qabel kollox
Fil-kummenti tiegħu lil Newsbook.com.mt l-Arċisqof jistieden ukoll għar-rispett lejn il-libertà tal-ġurnalisti li jikkritikaw is-sistema politika u jistieden għal sens qawwi tal-Istat li jfisser li f’kull deċiżjoni tingħata prijorità lill-ġid komuni. Huwa kkwota lil Santu Wistin li jgħallem li meta titwarrab il-ġustizzja, is-saltniet u l-gvernijiet isiru għerien tal-ħallelin.
Mistoqsi dwar ir-retweet ta’ artiklu f’The Shift News, l-Arċisqof qal li huwa jagħmel distinzjoni bejn tweets li jikteb hu stess u retweets ta’ artikli miktuba minn ħaddiehor. Huwa jagħmel retweet, qal l-Arċisqof, għax il-kontenut tal-artiklu jkun tali li jista’ jqajjem diskussjoni matura li, lil hinn mill-partiġġjaniżmu politiku, tfittex l-aħjar interess tas-soċjetà Maltija.