“Ejja nkunu l-bidla!” – Adrian Delia

Twitter - Adrian Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia appella lill-partitarji tiegħu biex ikunu parti mill-bidla f’Malta.

Delia qal dan waqt il-“Mass Meeting” tal-PN quddiem id-Dar Ċentrali.

Waqt id-diskors tiegħu, Delia tkellem dwar għadd ta’ temi fosthom l-edukazzjoni, l-ambjent, u l-korruzzjoni. Ftit tal-ħin qabel ma tkellem Delia, il-Gvern ħabbar li ħatar inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Delia ma għamilx referenza għal din l-aħbar fid-diskors tiegħu.

Assassinju Daphne: Il-Gvern jaħtar inkjesta pubblika

Delia qal li l-Gvern tal-lum m’għandux viżjoni imma ċpar. Qal li l-Gvern m’għandux pjan fit-tul u li l-Gvern ġab l-istituzzjonijiet Maltin fix-xejn. Semma kif anke l-Qorti, post fejn wieħed suppost ifittex il-ġustizzja, spiċċat maħkuma mill-id it-twila tal-Gvern.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia jibda d-diskors tieghu waqt il-Mass Meeting tal-Indipendenza 2019.

Posted by Jean Pierre Debono on Friday, September 20, 2019

Delia qal li filwaqt li llum għadd ta’ żgħażagħ inġabru l-Belt fi protesta għall-klima, il-Gvern kien qed jiftaħ il-flyovers fil-Marsa. Qal li kull sena qed ikun hawn 600 persuna li jmutu qabel iż-żmien minħabba mard respiratorju.

Dwar l-edukazzjoni, Delia qal li minflok ma jitgħallmu fl-aqwa livelli, it-tfal qed jitgħallmu fil-kontejners. Żied jgħid li hawn 80 suġġett li għandhom nuqqas ta’ għalliema fihom. Qal li pajjiż li mhux kapaċi jgħallem lil uliedu huwa pajjiż fallut. Semma li 50% tal-għalliema huma lesti li jitlqu x-xogħol tagħhom jekk isibu mpjieg ieħor.

Il-Kap tal-PN tkellem dwar is-saħħa fejn fakkar fil-bini tal-isptar Mater Dei li qal li meta nbena kien wieħed state-of-the-art. Qal li r-rekord tal-Gvern Laburista huwa l-bejgħ tal-isptarijiet pubbliċi lill-kumpanija Vitals li ħadd ma jaf ta’ min hi.

“Ġewwa l-Qrati sal-lum qed niġġieldu biex l-isptarijiet inġibuhom lura,” qal Delia.

Delia seta’ jiffranka l-ispiża – PL

Il-Partit Laburista qal li kieku ried, Delia seta’ jiffranka għal kollox l-ispiża taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza.

“Dan għax Adrian Delia llejla seta’ xandar id-diskors tas-sena l-oħra,” qal il-PL.

“Quddiem id-Dar Ċentrali Delia kellu l-istess negattivita, l-istess attakki fuq l-investiment u l-ebda proposti. Biex inkunu ġusti miegħu żied l-attakk fuq il-proġett tal-flyover tal-Marsa.”