“Ejja nitrattaw lill-ommijiet u t-trabi l-istess”

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca saħqet li l-ommijiet kollha u t-trabi tagħhom fi ħdan l-Unjoni Ewropea għandu jkollhom l-istess opportunità u jirċievu l-istess sigurtà, protezzjoni u sapport.
F’diskors waqt sessjoni għall-ommijiet, fis-Summit Globali tal-Mexxejja Politiċi Nisa, il-President saħqet li minn dak li nstab mir-riċerka, wieħed għandu jkun iktar konvint mid-differenzi li jeżistu fil-kura lill-ommijiet li qed jistennew tarbija u lit-tfal fi ħdan l-Unjoni Ewropea.
Dawn ir-riżultati ġew ippreżentati waqt is-sessjoni dwar il-kura materna fl-UE.
Coleiro Preca saħqet li l-possibilità ta’ trasformazzjoni fil-qasam tal-kura materna, twelid u kura ta’ tfal, tista’ teżisti jekk l-awtoritajiet u l-gvernijiet jiddeċiedu li jinvestu b’mod iktar effettiv u effiċjenti fin-nisa u tfajliet fi ħdan l-Unjoni. Hi kompliet tgħid li l-parteċipazzjoni tas-settur privat hi waħda essenzjali u għandha tkun integrata aħjar fl-istrateġiji tal-kura tas-saħħa kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq dak reġjonali.
Hi saħqet li għandu jinstab mod kif l-aspetti kollha tal-esperjenzi tal-ommijiet li qed jistennew għandhom jiġu salvagwardjati.
L-istudju juri wkoll l-isfidi li n-nisa li jesperjenzaw diversi forom ta’ vulnerabbilità u prekarjetà jsibu ma’ wiċċhom bħal pereżempju nisa Rom, nisa li jgħixu fil-faqar.
Ritratt: OPR