Ejja nisimghu mit-tobba tagħna – AD u PD

Miguela Xuereb

L-Alternattiva Demokratika (AD) u l-Partit Demokratiku (PD) appellaw lin-nies biex jisimgħu mit-tobba li qed iħeġġu biex ma jsirux attivitajiet tal-massa.

Fi stqarrija konġunta ż-żewġ partiti qalu li l-mediċi u msieħba oħra ilhom iwissu lin-nies biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ma jkomplix jinfirex il-coronavirus. Qalu li jidher li dawn ma ngħatawx widen.

L-AD u l-PD qalu li n-nies qed jissograw li jarmu s-suċċess li nkiseb fil-kontroll tal-virus grazzi għall-ħidma tas-settur mediku flimkien mal-kooperazzjoni tal-pubbliku.

“Meta tħallew li jsiru avvenimenti tal-massa, ntbgħat messaġġ ħażin, b’sogru li ssir aktar ħsara lill-ekonomija,” qalu ż-żewġ partiti. Saħqu li s-sens komun jgħid li meta wieħed ma jsegwix il-pariri tat-tobba wieħed ikun qed ipoġġi lill-pajjiż f’periklu.

L-Assoċċjazzjoni Medika ta’ Malta (MAM) sostniet illi huwa bla sens li wieħed jitlob lill-pubbliku jkun responsabbli waqt li jiltaqa’ fi gruppi kbar b’eluf ta’ persuni u jkun hemm lok fejn jisker.